L-Uffiċċju għaċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Papa introduċa emendi għall-Konċistorji Pubbliċi Ordinarji għal ħatriet ta’ Kardinali ġodda. Ir-riti applikabbli s’issa kienu riveduti u simplifikati bl-approvazzjoni tal-Papa. Dawn jinkludu l-unifikazzjoni ta’ tliet fażijiet – l-impożizzjoni tal-beritta, l-għoti taċ-ċurkett u l-għoti tat-titlu jew id-djakonat. Kienu modifikati wkoll il-Kolletta u t-talb konklussiv u tqassret il-proklamazzjoni tal-Kelma t’Alla.
Nhar is-6 ta’ Jannar 2012, il-Papa Benedittu XVI ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jaħtar 22 membru ġdid fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-ħatra uffiċjali se ssir nhar it-18 ta’ Frar, f’dak li se jkun ir-raba’ Konċistorju ta’ dal-Pontifikat.
Fl-aħbar mogħtija mill-Uffiċċju għaċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi, kienet spjegata r-riforma liturġika li bdiet mill-Konċilju Vatikan II. Il-prattiċi eżistenti kienu evalwati u simplifikati, waqt li l-aspetti storiċi ittieħdu in konsiderazzjoni f’kontinwita mal-elementi ewlenin tal-Konċistorji.