L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù hu esiġenti – jitlob ħafna minna. Kliemu kultant jinstema’ iebes u diffiċli biex tgħixu. Kieku dal-kliem li smajna llum fl-Evanġelju jgħidu lil xi ħadd fi żmienna, ikun hemm min jgħidlu: taf x’qed tgħid? Taf kemm nies ma jagħtux kas dan li qed tgħid?
Imma nafu li Ġesù xorta jirrepetih lilna dan il-kliem, għax jaf li fl-aħħar mill-aħħar hu ta’ ġid għall-ħajja tagħna. Irid l-ewwel nett li aħna nħarsu lejn il-qalb. Alla ma jħarisx biss lejn dak li jidher minn barra – għalhekk isemmi lill-Fariżej u dak li kienu jagħmlu. Mhux l-azzjoni ta’ barra biss, imma l-qalb, għax mill-qalb li joħroġ it-tajjeb, u mill-qalb li joħroġ il-ħażin. U lilna jridna li b’sinċerità quddiem Alla nagħrfu l-qalb tagħna, fejn hemm l-għeruq ta’ dak li aħna nagħmlu.
Hawnhekk Ġesù jgħid xi ħaġa iebsa: li aħna għandna dejjem inkunu attenti fil-kliem tagħna, li aħna ma nħallux ir-rabja tagħna tikkmandana. Hawn jgħid: “smajtu xi ntqal: la toqtolx”. Li toqtol hi ħaġa terribbli. Imma jgħid: m’hemmx għalfejn toqtol biex tħossok għamilt xi ħaġa ħażina. Ġesù jsemmi: jekk inti tħalli r-rabja tikkmandak, jekk int anke f’qalbek ikollok kontra ħaddieħor, hemmhekk ukoll ħaġa ħażina. Ġesù jsemmi wkoll l-insulti u t-tgħajjir. Jekk int bi kliemek tinsulta lil ħaddieħor, dik ukoll hi ħaġa ħażina ħafna. Nafu kemm hu attwali dan li jgħid Ġesù. Hawn hu jsemmi “ġifa” u “iblah”, imma llum tgħidx kemm ħafna insulti akbar ikun hemm, speċjalment online u fil-mezzi soċjali. Kultant, meta taqrahom, tistħi minflok min qed jiktibhom. Dawn ħerġin minn qalb imħassra. Li jgħid Ġesù jfakkarna: jekk inti tinsulta lil xi ħadd, iktar qed tgħid fuqek innifsek milli fuq min hu l-mira tal-insulti tiegħek.
Ġesù jfakkarna wkoll xi ħaġa importanti fuq il-maħfra fil-qalb tagħna. Jgħidha bi kliem naqra iktar esiġenti: jekk tkun qed ittella’ l-offerta tiegħek fuq l-artal – kieku llum jgħid qed tieħu sehem fl-Ewkaristija – u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemm, u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja tella’ l-offerta tiegħek. Innutaw: “tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik”, mhux għax tiftakar li int għandek kontra dak u kontra l-ieħor, jew li int għamilt il-ħsara; imma ħuk għandu xi ħaġa kontrik. Ġesu qed jgħid: ipprova rranġa, anke jekk ġejja minnu; ipprova agħmel ħiltek biex tirranġa s-sitwazzjoni. Jista’ jkun ma jirnexxilekx, jista’ jkun tipprova u jkun għalxejn, imma importanti li tipprova, mhux qisu xejn mhu xejn u tibqa’ għaddej, anke jekk hemm il-ħitan bejnek u bejn ħaddieħor. Tipprova għallinqas tagħmel dan l-isforz.
Nindunaw kif il-kliem ta’ Ġesù huwa iebes, diffiċli, imma hu ta’ għajnuna kbira għall-ħajja tagħna. Li tolqtok f’Ġesu hu dan: qatt ma jniżżel l-istandards ta’ kif għandna ngħixu għax in-nies ma jaqblux. Imma jgħinna, jagħtina l-qawwa li għandna bżonn. Nagħrfu li aħna nonqsu f’dan, u kif smajna fl-Ewwel Qari mill-Profeta Eżekjel, Alla dejjem lest jaħfrilna jekk aħna b’sinċerità nitolbuh maħfra. Imma altru nagħrfu l-iżbalji tagħna u nitolbu maħfra, u altru niġġustifikaw ruħna fil-ħażen tagħna u ngħidu li dal-kliem ta’ Ġesu hu impossibbli biex tgħixu. Mhuwiex impossibbli. Hu possibbli bil-qawwa tiegħu.
Nitolbu lil Alla llum jagħtina l-qawwa biex ngħixu dan il-kliem tiegħu, il-maħfra meta aħna nonqsu milli ngħixu dan il-kliem tiegħu, u nitolbuh il-grazzja tas-sinċerità tal-qalb.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju