L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. huwa l-ewwel Arċisqof Malti li żar lill-missjunarji Maltin fil-Honduras. Hemmhekk laqawħ l-isqfijiet Robert Camilleri OFM u Joe Bonello OFM, flimkien ma’ Patri Albert Gauci. Mill-ajruport, wara laqgħa ta’ kortezija lill-Kardinal Oscar Andres Rodrieguez, l-Arċisqof Cremona beda vjaġġ ta’ tlett siegħat lejn id-djoċesi ta’ Olancia, f’Juticalpa, fejn Mons. Joe Bonello huwa l-Isqof. In-nuqqas ta’ żvilupp f’dawn iż-żoni rurali huwa xhieda tal-faqar li jeżisti. Dan minkejja li l-Knisja qed tagħmel minn kollox biex tgħin lill-persuni fqar.
Fost dawn l-iniżjattivi, Patri Albert Gauci qiegħed jaħdem biex jinbena stadium li għandu jgħin biex iż-żgħażagħ jaħarbu mill-problema mifruxa tad-droga u x-xorb. Fuq nota pożittiva, wieħed ma jistax ma jsemmix is-sehem attiv li n-nies tal-post jieħdu fil-liturġija. Dawn japprezzaw ferm l-iniżjattivi li tieħu l-Knisja għaliex jafu li hi toffrilhom ħajja sinċiera bla ma tfittex li tisfrutthom.
Matul il-jumejn li għamlu fid-djoċesi ta’ Olancio, l-Arċisqof Cremona, flimkien ma’ Dun Alfred Vella, kellhom l-opportunità jżuru diversi parroċċi fejn iltaqgħu ma’ numru ta’ familji u wkoll mas-sorijiet tal-Klawsura. F´Catacamas, l-Arċisqof żar il-qabar tal-ewwel missjunarju Franġiskan Malti fil-Honduras, Patri Diego Vella.
Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, l-Arċisqof kompla l-vjaġġ tiegħu lejn Comaiagua, fejn Mons. Robert Camilleri OFM huwa Isqof tad-djoċesi. Matul il-vjaġġ, l-Arċisqof żar lil Patri Rinaldo li huwa għama u li waqqaf istitut għal persuni għomja u oħrajn bi bżonnijiet speċjali. Mons. Cremona kellu wkoll l-opportunità jiltaqa’ man-Nunzju Appostoliku, Mons. Luigi Bianco. Matul din il-laqgħa huma ddiskutew il-ħajja tal-Knisja fil-Honduras, sehem il-missjunarji u r-realtajiet li l-Knisja qed tħabbat wiċċa magħhom.
Minbarra numru ta’ żjarat, l-Arċisqof kellu l-opportunità jiċċelebra Quddiesa fis-Santwarju Nazzjonali ddedikat lill-Madonna ta’ Suyapa, li tiġbed lejha devozzjoni kbira. F’dan is-Santwarju hemm midfun missjunarju ieħor Malti, Patri Felic Mansueto.
Waħda miż-żjarat li nisslet kurraġġ u tama kienet dik fis-Seminarju tad-Djoċesi, fejn numru sabiħ ta’ żgħażagħ qed iħejju għas-saċerdozju. Hawnhekk l-Arċisqof qal li hekk kif il-Honduras tirċievi tant missjunarji, issa jmiss li dawn jgħinu fil-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni.
L-aħħar żjara tal-Arċisqof fil-Honduras kienet għand il-missjunarju Malti, Patri Anġlu Falzon, li jgħix f’parti muntanjuza u rurali. Intant, illum l-Arċisqof beda l-vjaġġ tiegħu lejn Kuba fejn ser jiltaqa’ mal-missjunarji Maltin tal-Ordni Agostinjan, mas-saċerdot djoċesan Dun Pawl Buttigieg, kif ukoll mas-soċji tal-MUSEUM li ilhom f’Kuba għal dawn l-aħħar sena u nofs.