L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2:48) Dan il-kliem ta’ Marija fil-ġrajja li għadna kemm smajna jurina mument ta’ kriżi fil-familja li qed niċċelebraw illum – il-familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi.
Kienu jmorru kull sena Ġerusalemm għall-Festa tal-Għid, imma dak inhar, meta Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù magħhom ukoll, huma u sejrin lura d-dar – kienet tkun familja kbira bil-qraba u nies oħra – intebħu li ma kienx magħhom Ġesù. Reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh. Dawk it-tlett ijiem mingħajr Ġesu, il-ħin kollu jfittxuh, kienu terribbli għal Marija u Ġużeppi.
Hemm messaġġ importanti għalina meta proprju waqt li niċċelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa, aħna nagħmlu riflessjoni fuq din is-silta. Turina li l-Familja ta’ Nażaret li l-Knisja tippreżenta bħala mudell hija familja li għaddiet minn diffikultajiet u problemi. Fil-fatt, kull darba li naqraw fuq it-tlieta li jiffurmaw din il-familja flimkien, dejjem insibuhom jaffaċċjaw diffikultà jew sfida.
Diffikultajiet u sfidi
Jekk naraw fil-bidu nett, meta l-anġlu Gabriel deher lil Marija u wasslilha l-Aħbar li hi se tkun Omm Alla, Marija ma setgħetx tifhem, tħawdet. L-istess Ġużeppi meta l-anġlu qallu b’dak li kien qed jiġri f’Marija, kif hi se jkollha tarbija, kien konfuż. Għat-tnejn li huma, kien żmien iebes ħafna. Meta ġie biex jitwieled Ġesù, ma sabux post fejn seta’ jitwieled – l-Evanġelju jgħid li “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:7). Ġesù kellu jitwieled f’għar. Meta twieled Ġesù, Erodi fittex li joqtlu u minħabba fih, il-familja kellha taħrab lejn l-Eġittu. Għal żmien kienet familja refuġjata li qed taħrab minħabba theddida politika. Fil-ġrajja li smajna llum, meta Ġesù ntilef fit-tempju, ukoll naraw in-nuqqas ta’ ftehim, ma setgħux jifhmu x’qed jiġri. U l-istorja tibqa’ sejra hekk – b’diversi sfidi – sa meta naraw lil Marija taħt is-salib, tara lil binha, li ma għamilx ħlief ġid, jiġi maqtul.
Li rrid ngħid hu: aħna għandna familja – li hi l-Familja Mqaddsa – li għaddiet minn ħafna diffikultajiet u tbatija. Tista’ tifhimna żgur meta ngħaddu mill-problemi ta’ tip differenti f’ħajjitna. Li rridu naraw hu: x’kien dak li għen lil din il-familja biex tibqa’ miexja ’l quddiem, qalb dawn id-diffikultajiet kollha? X’kien li sostniha fil-ħajja tagħha lil din il- familja?
Ir-rieda ta’ Alla
L-ewwel nett, it-tfittxija tagħhom kienet dejjem dak li jrid Alla, dak li jrid il-Missier. Hawn fl-Evanġelju, Ġesù jwieġeb lil Marija: “Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49). Dak il-ħin, jidher li ma fehmuhx dan il-kliem ta’ Ġesù, imma fil-fatt kien qed jgħid xi ħaġa li l-ġenituri tiegħu stess kienu għallmuh u wrewh tul il-ħajja tiegħu, tul dawk it-tnax-il sena : li għandu jkun f’dak li hu ta’ Missieru, ifittex ir-rieda tiegħu. Lil Marija, mill-bidu nett narawha tfittex ir-rieda ta’ Alla u tgħid: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Lil Ġużeppi wkoll narawh ma jistax jifhem x’qed jiġri, imma meta jinduna li hu pjan ta’ Alla, jagħmel dak li jgħidlu l-Mulej.
Li nfittxu dak li jrid Alla: dak hu importanti għalina fil-ħajja tal-familja. Qalb il-ħafna preokkupazzjonijiet u l-attivitajiet tal-ħajja, infittxu dak li jrid Alla, li hu dejjem tal-akbar ġid għalina. Dan infittxuh fit-talb tagħna. Infittxuh billi niġu f’dar Missierna hawnhekk fil-knisja, bħalma jurina s-Salm illum – “kemm hi għażiża d-dar tiegħek!” (Salm 84:2) – imma nfittxu wkoll li nagħmlu d-dar tagħna l-post fejn jgħammar Alla. Hu jkun fiċ-ċentru tal-familja tagħna, hu li jiggwida l-ħajja tagħna.
L-għożża u l-imħabba
Jolqtok ukoll f’din il-Familja Mqaddsa hu kif kellhom fil-qalba ta’ ħajjithom l-imħabba kbira li tfisser għotja. Smajna llum fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu: “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier” (1 Ġw 3:1). Hekk kienu jgħixu: b’din l-imħabba kbira lejn xulxin.
Kienet imħabba li tfisser li kontinwament jaħsbu f’xulxin biex ikunu ta’ għajnuna għal xulxin. Kienet imħabba li tfisser fiduċja f’xulxin, li tfisser fedeltà.
Dan hu messaġġ importanti għall-ħajja tagħna: li nagħrfu li l-familja tista’ tkun tassew il-post sabiħ fejn ngħixu u nikbru, meta aħna nagħmluha d-dar mimlija mħabba. Hi l-imħabba li turi ruħha speċjalment fl-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Hemm hu t-test veru tal-imħabba, mhijiex għax tiġi xi okkażjoni rari ta’ darba. Hu fil-ħajja ta’ kuljum, fi kliemna, fl-attitudni tagħna, fis-smigħ tagħna, fl-attenzjoni tagħna, fis-sensitività li nuru mal-oħrajn. Hija din li tgħinna nimxu qalb id-diffikultajiet, l-isfidi, l-iżbalji u n-nuqqasijiet kollha fil-ħajja tagħna.
Messaġġ ta’ tama
Għalhekk, il-messaġġ sabiħ li tagħtina l-Familja Mqaddsa għall-ħajja tagħna llum hu messaġġ ta’ tama. Aħna nafu kemm affarijiet jippreokkupawna fil-ħajja tal-familja. Speċjalment meta nħarsu ’l quddiem – jiġu ħafna mistoqsijiet u inċertezzi. Min għandu wliedu żgħar żgur iħoss ħafna din il-preokkupazzjoni fuq il-futur.
It-talba li nagħmlu hi biex il-Familja Mqaddsa tkompli tkun ta’ ispirazzjoni, għajnuna u sostenn għall-ħajja tagħna. It-tama tagħna tkun fil-kelma ta’ Alla li qatt ma tqarraq bina, u fl-imħabba tiegħu li qatt ma tiġi nieqsa.
Nitolbu għall-familji tagħna – b’mod speċjali f’dil-quddiesa għall-familji li qegħdin hawn u l-familja tal-parroċċa – biex il-Mulej ikun ta’ dawl u għajnuna għalina lkoll. Ikun hu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, u jkompli jakkumpanjana qalb id-diffikultajiet u l-isfidi tal-ħajja. Nitolbu b’mod partikulari għal dawk il-familja li għaddejjin minn problemi kbar, jew li qegħdin fi kriżi li qed tifinhom, biex il-Mulej jagħtihom l-għajnuna u biex fina jsibu dejjem l-id li tagħtihom l-appoġġ li jeħtieġu.
Nitolbu biex bħalma l-Familja Mqaddsa kienet familja tal-akbar għożża, qalb it-tbatijiet li kellha f’tant ġrajjiet, hekk ukoll il-familja tagħna tkun tassew id-dar fejn jgħammar Alla, id-dar tal-imħabba u l-għożża.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju