Żewġ familji Maltin bħalissa jinsabu f’Ruma biex jirrappreżentaw lill-Knisja f’Malta waqt il-Laqgħa Dinjija tal-Familja (World Meeting of Families) li tintemm nhar il-Ħadd li ġej, 26 ta’ Ġunju 2022.
Il-Familja Cassar u l-Familja Laferla qed jattendu l-Laqgħa Dinjija tal-Familja li ssir kull tliet snin u l-ewwel darba li saret kienet fl-1994 fuq xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Il-koppja Mark Anthony u Nadia Cassar ilhom miżżewġin 14-il sena u għandhom żewġt itfal, Julia u Louisa. Il-koppja Claudio u Antoinette Laferla ilhom miżżewġin 29 sena u għandhom żewġt itfal, Michele u Maria. Is-Sur Laferla hu wkoll is-Segretarju tal-Bord tal-Moviment ta’ Kana.
Din l-10 edizzjoni tal-Laqgħa Dinjija tal-Familja se tagħlaq is-Sena ‘Amoris Laetitia’ fejn matul dawn l-aħħar xhur, f’diversi parroċċi, djoċesijiet, universitajiet, movimenti tal-Knisja u entitajiet oħra li jaħdmu mal-familji saru inizjattivi spiritwali, pastorali u kulturali bil-għan li jitfgħu dawl fuq l-importanza u l-ġmiel tal-imħabba fil-familja.
It-tema magħżula din is-sena mill-Papa Franġisku hi: “L-imħabba tal-familja: vokazzjoni u t-triq għall-qdusija”. Il-Papa xtaq li kull djoċesi toħroġ b’diversi inizjattivi li jirriflettu din it-tema u juru s-sbuħija tal-familja fis-soċjetà.
Fl-okkażjoni tal-Laqgħa Dinjija tal-Familja, l-Arċisqof Charles Scicluna wassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-familji Maltin u Għawdxin, fejn awguralhom jibqgħu skejjel ta’ mħabba minkejja d-diffikultajiet u l-limiti li jkollhom. “Jalla l-familji tagħna jgħixu din l-imħabba u jkunu tassew skola ta’ maħfra, skola ta’ paċenzja, skola ta’ tolleranza u tal-akkoljenza reċiproka,” qal l-Arċisqof.
Waħda mill-inizjattivi li l-Moviment ta’ Kana qed jagħmel sabiex jippromwovi s-sbuħija tal-familja hi li flimkien ma’ diversi entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-familja se jkunu preżenti waqt il-fiera f’Ta’ Qali bejn it-23 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju 2022.
L-entitajiet li se jkunu preżenti huma: Belong Group, Familji Ġodda, Moviment ta’ Kana, GRUFAN, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali (PFI), Nanniet Malta, Malta Unborn Child Platform, Life Network Foundation, MUSEUM tal-Bniet u l-Kummissjoni Djoċesana Tfal.
L-iskop ta’ din il-parteċipazzjoni hu li permezz ta’ dawn l-għaqdiet, il-Knisja tkun verament Knisja li toħroġ u tiltaqa’, u dan jagħmel parti mill-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed‘, li l-Knisja f’Malta qed twettaq bħalissa.