L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
F’din is-silta qasira, nistgħu nifhmu fejn tħabbat il-qalb ta’ Ġesù. Ġesù jinżel mill-muntanja, wara dak id-diskors fuq il-muntanja, u l-Evanġelju jgħid li kellu folla kbira ta’ nies warajh. Imma Ġesù jitlaqa’ ma’ dan il-lebbruż li b’kuraġġ jiġi quddiemu jitolbu biex ifejqu, u Ġesù jisma’ l-karba ta’ dan.
Fejn tħabbat il-qalb ta’ Ġesù? Mhijiex qalb li tinbela’ mill-folla. Hawn kien hawn rassa ta’ nies, u faċli li meta jkun hemm folla, meta tara xi ħadd tarah qisu wieħed mill-folla. Imma hawn Ġesù ta l-attenzjoni lil dan il-lebbruż, dan l-individwu, u ltaqa’ miegħu personalment anke qalb din il-folla ta’ nies li Ġesù ma ħallihiex tfixklu milli jiltaqa’ ma’ dan.
Fejn tħabbat il-qalb ta’ Ġesù? Mhijiex biss qalb li ma titmexxiex mill-folla, imma hi qalb ukoll mimlija mħabba u kompassjoni speċjalment għal min hu mwarrab u emarġinat. Aħna llum ftit nistgħu nifhmu x’kien ifisser li tkun lebbruż fi żmien ta’ Ġesù. Din ma kinetx marda bħal meta xi ħadd ikollu riħ jew influenza. Kienet marda li lill-bniedem teskludih għal kollox mis-soċjetà. Irid joqgħod’il bogħod, b’distanza soċjali mhux ta’ żewġ metri imma ta’ xi ħmistax-il metru. Kellu jara li jekk xi ħadd jersaq lejh, irid jgħajjat, biex hu ma jersaqx lejn in-nies u n-nies ma jersqux lejh. Kienet teskludih.
U Ġesù x’għamel? Ġesù għeleb id-distanza soċjali. Imma għaliex? Mhux għax ma kienx jirrispetta l-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja, mhux għax kien kapriċċuż, jew jagħmilha tal-hero. Imma Ġesù għamel hekk proprju biex jiltaqa’ miegħu, imidd idu, imissu; u dak il-mument li quddiem kulħadd qisu mar kontra l-liġi u għamel l-agħar ħaġa li tista’ tagħmel biex tittieħed, hemm ifejqu. Iwassallu l-fejqan. Dak kien l-iskop ta’ Ġesù: li lil dan il-bniedem ifejqu, mhux hekk biss imma jerġa’ wkoll jinkludih fis-soċjetà. Għalhekk jgħidlu biex imur juri ruħu lill-qassis biex jara li fieq u ma jibqax imwarrab u emarġinat imma jerġa’ jkun parti mis-soċjetà.
X’nitgħallmu għalina llum? L-ewwel nett ir-relazzjoni personali ma’ Ġesù, li jixtieq jiltaqa’ magħna, bħalma jagħmel fit-talb. Jixtieq li ma nħallux il-folla ttellifna milli aħna niltaqgħu miegħu u hu jiltaqa’ magħna. Meta Ġesù jiltaqa’ magħna, f’ħajjitna jġib il-fejqan; mhux dejjem il-fejqan fiżiku li jkollna bżonn imma jġibilna żgur il-fejqan fil-qalb għax jagħtina l-paċi tiegħu li tant hi importanti għal ħajjitna.
Imbagħad hemm xi ħaġa li tajjeb nitolbu lil Ġesù: biex aħna jkollna qalb tixbah lil tiegħu, qalb mimlija mħabba u kompassjoni lejn min qed ibati, u speċjalment lejn min hu mwarrab u emarġinat. Kultant tgħid: x’nista’ nagħmel? Veru, ġieli ma tistax tagħmel affarijiet kbar u lanqas forsi jkollok soluzzjoni, imma l-preżenza – li int tkun ma’ min qiegħed ibati, li tisimgħu, li tkun hemm – hija preżenza li turi mħabba u kompassjoni. B’din il-preżenza tkun qed twassal dan il-messaġġ: int persuna għażiża. Tant hu importanti dan il-messaġġ għal min iħossu b’xi mod imwarrab jew emarġinat.
Għalhekk nagħmlu din it-talba tagħna llum fil-quddiesa. Nitolbu lill-Mulej biex ikollna din ir-relazzjoni personali miegħu u hu f’qalbna jġib il-paċi. U nitolbu wkoll li jkollna qalb tixbah lil tiegħu kollha mħabba u kompassjoni speċjalment għal min qed ibati u għal min iħossu emarġinat u abbandunat.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju