Inqas tfal u numru dejjem jonqos ta’ koppji miżżewġa se jkollu impatt fuq it-tkabbir ekonomiku u l-abbilta tal-Gvernijiet sabiex jiffinanzjaw programme soċjali. Din it-twissija ħarġet fid-deher fir-rapport li għadu kemm ġie ppubblikat bl-isem ‘The Sustainable Demographic Dividend: What Do Marriage & Fertility Have To Do With The Economy? Ir-rapport kien ippubblikat mill-Istitut għax-Xejriet Soċjali, ko-sponsorjat minn numru ta’ gruppi tal-familja u universitajiet. Dan l-Istitut hu grupp ta’ riċerka, li ma jagħmilx profitt, u li hu bbażat f’Barċellona fi Spanja u fi New York City. Huwa jiffoka fuq erba’ oqsma li huma l-familja, il-bio-etika, il-kultura u l-istili tal-ħajja, kif ukoll il-corporate governance.
Skont ir-rapport, is-suċċess jew in-nuqqas tiegħu fl-ekonomiji futuri jiddependi mill-familji llum. Iżid jispjega żewġ xejriet attwali li jiddeskrivihom ta’ tħassib. L-ewwel – iż-żjieda fil-popolazzjoni anzjana dipendenti li qed tiżdied, fl-istess waqt li għandek staġnar jew saħansitra tnaqqis fil-popolazzjonijiet tal-ħaddiema f’għadd ta’ pajjiżi żviluppati.. It-tieni – tnaqqis allarmanti ta’ tfal imrobbija f’familji fejn hemm żwieġ b’saħħtu u stabbli.
It-terminu ‘demographic dividend’ fit-titlu tar-rapport kien użat minn xi ekonomisti sabiex jiddeskrivi l-imbuttatura fit-tkabbir ekonomiku esperjenzata f’numru ta’ pajjiżi Asjatiċi fejn it-tkabbir tal-popolazzjoni naqas f’daqqa.
Ir-rapport jissokta billi jindirizza kwistjonijiet oħra relatati, fosthom dik tal-għadd ta’ wlied imwielda, f’kuntrast mal-popolazzjoni li taħdem vis a vis l-eta tal-irtirar u dawk jirċievu pensjoni. Jindirizza wkoll il-kwalita tal-ħajja meta jirreferi għal riċerki u studji iċenti li juru l-għadd jiżdied ta’ tfal imwielda barra minn żwiġijiet stabbli – tfal imwielda lil koppji li jikkoabitaw. Dan minbarra l-kulturi li għalihom it-tfal qed isiru aktar esposti. Dan kollu, ir-rapport jarah idgħajjef il-popolazzjoni f’termini ta’ suċċess fi studju u f’xogħol u anki f’termini ta’ relazzjonijiet li jispiċċaw fi żwieġ b’saħħtu u stabbli. Dan bl-impatt naturali fuq l-ekonomija tal-pajjiżi rispettivi.
Fl-aħħar u mhux l-inqas ir-rapport jagħti rakkomandazzjonijiet li jidhirlu li huma utli u li għandhom jiġu kkunsidrati
Fosthom appoġġ lill-familji fin-negozju, lejn aktar stabilita finanzjarja tal-familji; għajnuna liż-żgħażagħ sabiex jakkwistaw impjieg sigur u permanenti li jippermettilhom aktar jibdew familja; provvediment ta’ djar bi prezzijiet li jiflaħ għalihom kulħadd, li fin-nuqqas tiegħu, b’bini bi prezz għoli, ftit ikunu dawk li jirsistu biex iġibu t-tfal fid-dinja; prattiċi ta’ xogħol aktar flessibbli li jippermettu lin-nisa jaħdmu fl-istess waqt li jilħqu l-bilanċ mixtieq mar-responsabbiltajiet tal-familja; appoġġ mill-Gvernijiet biex tingħata edukazzjoni xierqa dwar il-vantaġġi taż-żwieġ u d-defiċenzi li joffru każi ta’ ġenituri waħedhom (single parents); edukazzjoni liż-żgħażagħ biex jidraw ifaddlu u anki iżjed għajnuna lil koppji li jġibu t-tfal fid-dinja; rispett mill-Gvernijiet lejn is-sehem pożittiv li r-reliġjon tagħti lill-ħajja tal-familja.
Itemm ir-rapport, li kien il-Papa nnifsu li riċentament, waqt li kien qed jindirizza koppji f’Ancona, l-Italja, tkellem dwar l-importanza taż-żwieġ u ħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jirbħu l-isfidi tal-kultura kontemporanja f’dak li jirrigwarda fedelta taż-żwieġ. Iżid li l-fedelta, l-indissollubilita, u l-prokreazzjoni tal-ulied huma l-pilastri ta’ kull familja, ġid komuni li jissarraf f’patrimonju għas-soċjeta intiera.