-
-
Minn din is-sena, it-Tnejn ta’ wara l-Għid il-Ħamsin ser ikun iddedikat lill-Beata Verġni Marija Omm il-Knisja, festa ġdida li l-Papa Franġisku daħħal fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika Rumana.
Permezz ta’ din il-festa l-Papa jixtieq ifakkar lid-dixxipli kollha ta’ Kristu li, jekk irridu nikbru u nimtlew bl-imħabba tal-Mulej, irridu nibnu ħajjitna fuq tliet realtajiet: is-salib, l-Ewkaristija u l-Verġni Marija.
L-għażla tal-ġurnata għandha għeruq bibliċi. Fl-Atti tal-Appostli (1;14) insibu li Omm Ġesù hi preżenti fiċ-ċenaklu, miġbura fit-talb flimkien mal-appostli, u tistenna l-inżul tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk, il-ġurnata magħżula biex tiġi ċċelebrata din il-festa turina li l-Knisja hija mnebbha minn Kristu Rxoxt u mmexxija mill-ħarsa materna u l-kura spiritwali ta’ Marija.
Din is-sena l-festa ser tiġi ċċelebrata fil-21 ta’ Mejju.