Għall-poplu ta’ Malta u Għawdex l-ewwel jum tas-sena reġa’ kien turija ta’ ġenerożità lejn id-Dar tal-Providenza, espressjoni ta’ solidarjetà li waslet biex tinġabar is-somma ta’ €1,540,278 waqt il-Festa ta’ Ġenerożità.

Din il-maratona hija wkoll il-bidu ta’ sena speċjali għad-Dar għax se tfakkar is-60 anniversarju tat-twaqqif tagħha. Matul dawn is-snin kollha d-Dar tal-Providenza offriet residenza permanenti lil 270 persuna b’diżabilità kif ukoll lil ħafna oħra li kellhom bżonn servizzi ta’ respite. Id-Dar offriet ukoll servizzi personalizzati ta’ kwalità lir-residenti, servizzi li jirrispettaw id-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Dan kien possibbli biss bl-appoġġ kontinwu tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fi tmiem il-maratona televiżiva ta’ tnax-il siegħa, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar, awgura li s-solidarjetà murija lid-Dar tal-Providenza fl-ewwel jum tas-sena tkompli matul is-sena kollha ma’ dawk fis-soċjetà Maltija li jeħtieġu appoġġ.

Reġa’ sar l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti – pitturi, skulturi u ċeramika – mogħtija minn għadd ta’ artisiti Maltin u barranin. Għal darb’oħra, kollox, inkluż l-offerti, saru online u l-bejgħ tax-xogħlijiet laħħaq €37,158.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, għamlet donazzjoni ta’ €25,000 f’isem il-gvern Malti mill-Fond tal-Kawżi Soċjali.

Bħalma ġara f’dawn l-aħħar snin, għadd sabiħ ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali lejlet l-ewwel tas-sena u fl-ewwel tas-sena li mbagħad ġew ippreżentati lid-Dar tal-Providenza f’isem il-komunitajiet parrokkjali. Il-parroċċi ta’ Għawdex ġabru €38,044.

Bħas-soltu, il-Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it-tinda li ttellgħet apposta fil-parkeġġ tas-Siġġiewi. Ix-xandir tal-maratona beda b’quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna fid-9:30am fil-kappella tad-Dar u baqa’ sejjer sa nofsillejl.