Gġal darboħra, il-Festa ta’ Ġenerozità b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa tiġi organizzata taħt tinda fil-parkeġġ tad-Dar, is-Siġġiewi. Dan tħabbar mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu t-Tlieta, 5 ta’ Diċembru 2023.
Il-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin bejn l-10am u nofsillejl. Fid-9:30am, TVM2 ixandar il-quddiesa li se titmexxa mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna mill-kappella tad-Dar. Matul il-ġurnata se jsir ukoll irkant online ta’ xogħlijiet tal-arti li se jkunu wkoll esebiti dakinhar fil-sala tad-Dar tal-Providenza. B’mod fiżiku, wieħed jista’ jara l-katalgu sħiħ, fuq www.dtpauction.com. Il-bidding online se jkun miftuħ mill-15 ta’ Dicembru ’l quddiem fuq is-sit elettroniku: belgraviaacutions.com.
Fr Martin Micallef qal li d-Dar tal-Providenza hi impenjata li tibqa’ toffri servizzi residenzjali ta’ kwalità lir-residenti, hekk kif tibqa’ taspira li tkompli ttejjeb kemm jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tal-istess residenti. Fr Martin tenna li għalkemm is-servizz personalizzat lir-residenti huwa element importanti ħafna, spjega kif l-objettivi tad-Dar tal-Providenza huma wkoll li r-residenti jkunu aktar inklużi fis-socjetà u jipparteċipaw b’mod sħiħ fiha. Fr Martin semma’ l-ispejjeż li għandha d-Dar tal-Providenza ta’ kull sena, fejn dejjem ikun hemm bżonn li jissaħħaħ l-investiment fir-riżors uman, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti ġodda kapitali li jkomplu jtejbu s-servizz mogħti mid-Dar, kif ukoll ftuħ ta’ djar oħra fil-komunità.
“Il-Festa ta’ Ġenerozita tal-1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id-Dar tista’ ddur lejn il-poplu Malti u Għawdxi biex jgħinha finanzjarjament għax l-ispejjeż huma kbar. Fil-fatt id-Dar għandha bzonn madwar €6.5 miljun kull sena,” temm jgħid Fr Martin.
Is-Sinjura Camilleri Cassano, l-Amministratur tad-Dar tal-Providenza spjegat kif id-donazzjonijiet jistgħu jsiru mil-lum stess sal-ewwel tas-sena b’wieħed minn dawn il-mezzi. Fil-fatt, dawn id-donazzjonijiet se jkunu inklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona fl-1 ta’ Jannar 2024.
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon:
- €10 – 51602012
- €15 – 51702013
- €25 – 51802014
- €50 – 51902085
- €100 – 51302022
- SMS €7- 50618922
Wieħed jista’ ukoll jagġmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.
Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibgħatu d-donazzjoni tagħhom ta’ iżjed minn €20 permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siggiewi SGW2822. Għandhu jigi nnutat li ċekkijiet ta’ inqas minn €20 ma jistgħux jissarfu mill-banek Maltin wara direttiva li saret mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt (wara s-suq), filgħodu bejn id-9am u n-12pm, mill-Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta fil-ġranet ta’ qabel il-Milied sal-1 ta’ Jannar 2024.