• Nhar it-Tnejn 15 ta’ Diċembru 2014, saret konferenza stampa dwar dettalji tad-dsatax-il edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata minn RTK4Charity biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tal-Providenza tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu. “Hija ħaġa sabiħa ħafna,” qal Fr Martin, “li l-poplu Malti u Għawdxi propju jibda sena ġdida billi juri min tassew hu, poplu ġeneruż, poplu li jaf issarraf is-solidarjetà fil-prattika.”

    Fr Martin semma’ erba’ għanijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza. L-ewwel għan hu li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar li huma wkoll se jkunu preżenti waqt l-ispettaklu li se jsir taħt it-tinda fil-carpark tad-Dar. Kif jaf kulħadd, Id-Dar tal-Providenza toffri dar f’ambjent ta’ mħabba u li jixbaħ il-familja lill-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jibqgħu jgħixu fil-familja tagħhom. Fil-preżent mija u seba’ residenti jgħixu fid-Dar b’etajiet ta’ bejn l-erba’ snin u t-tmenin sena. Id-Dar toffri wkoll servizz regolari u importanti ħafna ta’ respite lill-familji ta’ persuni b’diżabilità, billi toffrilhom sapport ħalli l-persuna b’diżabilità tkun tista’ tibqa’ tgħix fi ħdan il-familja tagħha.  Illum Id-Dar tal-Providenza tikkonsisti fi tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni, Villa Papa Luciani, u tliet djar residenzjali:  “Dar Żerniq” fis-Siġġiewi, “Akkwarell” fil-Qawra u Dar Pirotta f’Birkirkara li din is-sena waqgħet taħt ir-responsabbiltà tad-Dar tal-Providenza.

    It-tieni skop hu li l-pubbliku jkun jista’ jara xi proġetti u inizzjattivi importanmti li saru jew qed isiru fid-Dar biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.  Il-proġetti li saru din is-sena jinkludu: Twaqqiegħ u rikostruzzjoni tal-portico tal-bitħa ta’ quddiem il-kappella li kien f’qagħda strutturali ħażina; xogħol ta’ mmodernizzar ta’ żewġ flats f’Villa Mons Gonzi b’aktar kmamar individwali; sistema ġdida tad-dawl tal-Belvedere; xogħol fil-kċina tad-Dar; lift ġdid u shaft ġdid għall-lift gdid f’Villa Papa Giovanni u twaħħil ta’ airconditioners f’Dar Pirotta.
     
    It-tielet skop ta’ din l-attività annwali hu li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjieb.   Din is-sena għandna diversi proġetti li rrid nwettqu, fosthom it-tkomplija tax-xogħol fuq il-bitħa ta’ quddiem il-kappella, pool terapewtiku u xiri ta’ żewġ vannijiet, fost oħrajn. 

    Hu għalhekk id-dmir tal-amministrazzjoni tad-Dar li tassigura li d-donazzjonijiet mogħtija b’tant ġenerożità mill-pubbliku jintefqu bil-għaqal u għall-iskop li għalih ingħataw.  Għalhekk id-Dar tieħu diversi miżuri biex tassigura dan fosthom li tingħata riċevuta għal kull donazzjoni u li l-accounts tad-Dar ikunu awditjati minn kumpanija ewlenija tal-Awditjar kull sena. 

    L-aħħar skop, iżda mhux lanqas, hu li nwasslu l-messaġġ li d-Dar tal-Providenza dejjem trid twassal: Is-soċjetà dejjem  trid tirrispetta lill-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.  
     
    Is-sena 2015 se tkun sena speċjali għad-Dar tal-Providenza għax se tkun qed tfakkar għeluq il-50 sena mit-twaqqif tagħha. Dun Mikiel Azzopardi dejjem żamm id-data tat-12 ta’ Settembru 1965 bħala d-data tat-twaqqif tad-Dar.  It-tema magħżula għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet hija: “Rispett, Drittijiet u Dinjità”. Dawn huma l-valuri li d-Dar tħaddan u li għandhom ikomplu jispiraw il-ħidma tad-Dar fiż-żmien li ġej. Jalla dawn it-tliet kelmiet ikomplu wkoll jispiraw is-soċjetà tagħna biex il-persuni b’diżabilità jkunu verament stmati ndaqs.

    Fl-awditorju tad-Dar tal-Providenza se jkun hemm irkant, bl-assistenza ta’ Obelisk Auctions, li jinkludi diversi xogħlijiet ta’ pittura minn artisti magħrufa Maltin. Minn nhar it-Tnejn 22 ta’ Diċembru, kull min jixtieq jieħu sehem fl-irkant jista’ jibbiddja online fuq www.dtpauction.com. Huwa mportanti li min hu nteressat li jibbiddja jirreġistra fuq l-istess website. Nhar l-ewwel tas-sena, minbarra online, wieħed jista’ jibbiddja wkoll billi jċempel jew imur fis-sala ta’ fejn qed tkun issir il-wirja. Ix-xogħlijiet li se jiġu rkantati bid-dettalji kollha huma riprodotti fl-istess website u esebiti fl-awditorju mit-22 tax-xahar.
    Fl-1 ta’ Jannar, biex tigi evitata l-konġestjoni tat-traffiku, mis-sagħtejn ‘il quddiem, se jkun hemm ukoll servizz ta’ Park & Ride mit-Triq ta’ San Niklaw (il-mitjar l-antik) dirett ghad-Dar tal-Providenza u lura.           
     
    Ghal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar ma jkunux jistghu iżuru d-Dar tal-Providenza, l-Kampanja li  taghlaq wara nofsillejl, se tkun trasmessa live fuq l-istazzjonijiet televiżivi. Donazzjonijiet jistghu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza, fl-istudjos ta’ Radju RTK fil-Blata l-Bajda jew permezz tat-telefon.  
     
    Donazzjonijiet jistghu jsiru bit-telefon:
    Donazzjoni   €10                 –           516 02 012   
    Donazzjoni   €15                 –           517 02 013   
    Donazzjoni   €25                 –           518 02 014
    SMS   Donazzjoni   €7        –           506 18 922     
     
    Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll is-Sur Karl Wright, Station  Manager ta’ Radju RTK  u s-Sur Tonio Bonello, Manager Programmi ta’ Radju RTK u l-kordinatur tal-Festa ta’ Ġenerożità, is-Sur Noel McCarthy, Head Finance & Corporate Strategy tal-APS Bank sponsor ewlieni tal-attività ta’ l-Ewwel tas-Sena u s-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza.