-
Festa ta’ Maħfra
-
Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu, festa ta’ Kristu Redentur, u l-Ħamis 10 ta’ April, lejlet il-festa tad-Duluri, il-Knisja f’Malta u f’Għawdex qed torganizza Festa ta’ Maħfra.
Nhar il-Ħadd li għadda, il-Papa Franġisku, li fil-messaġġi tiegħu spiss jitkellem dwar il-ħniena t’Alla, stieden lill-Insara jipparteċipaw f’inizjattiva simili li ser issir nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, fil-Bażilika ta’ San Pietru u f’diversi knejjes f’Ruma.
F’Malta u f’Għawdex, bl-inizjattiva tal-Konferenza Episkopali Maltija, il-Festa ta’ Maħfra ser issir f’jumejn differenti. Il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu, ħames knejjes f’Malta u oħra f’Għawdex ser ikunu miftuħin filgħaxija għall-qrar. Iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali f’kull Knisja ser tibda b’Quddiesa.
Il-knejjes huma:
- Il-parroċċa ta’ Marija Bambina, l-Isla, fejn fis-6.00 p.m. l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser imexxi l-pellegrinaġġ annwali bl-Istatwa Mirakoluża ta’ Ġesù Redentur. Fid-dħul tal-pellegrinaġġ, l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa u wara jkun hemm ħin għall-qrar sa nofsillejl. L-animazzjoni titmexxa mill-Youth Fellowship.
- Il-parroċċa ta’ Santa Marija, Birkirkara, fejn Mons. Anton Gouder, Pro-Vigarju Ġenerali, ser jiċċelebra Quddiesa li tibda fit-8.00 p.m. Wara jkun hemm ħin għall-qrar sa nofsillejl. L-animazzjoni titmexxa mill-Kariżmatiċi.
- Il-Millennium Chapel, Paceville, fejn l-Isqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa li tibda fid-9.00 p.m. Wara jkun hemm ħin għall-qrar sas-2.00 a.m. L-animazzjoni titmexxa minn grupp ta’ żgħażagħ mill-Millennium Chapel.
- Il-parroċċa ta’ San Franġisk, il-Qawra, fejn Patri Charles Tabone O.P., Delegat tal-Arċisqof, ser jiċċelebra Quddiesa fit-8.00 p.m. Wara jkun hemm ħin għall-qrar sa nofsillejl. L-animazzjoni titmexxa mill-Moviment Neo-Katekumenali.
- Il-Kappella tas-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat, fejn ser ikun hemm ħin għall-qrar bejn l-10.00 p.m. u nofsillejl. L-animazzjoni titmexxa mis-seminaristi.
- Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Għawdex, fejn l-Isqof Mario Grech ser jiċċelebra Quddiesa li tibda fit-6.30 p.m. Wara jkun hemm ħin għall-qrar sa nofsillejl. L-animazzjoni titmexxa mis-Seminarju ta’ Għawdex .
L-Isqfijiet iħeġġu lill-Insara biex jipparteċipaw u jistiednu lil xi ħadd biex jieħu sehem f’din il-Festa ta’ Maħfra. Hija okkażjoni biex dawk li jħossuhom imbegħdin jersqu lejn Alla. Is-saċerdot, f’isem Kristu, jilqagħhom b’idejh miftuħa u b’qalb ħanina li tadher u taħfer.
Id-dettalji tal-Festa ta’ Maħfra tal-Ħamis 10 ta’ April, lejlet il-festa tad-Duluri, jitħabbru aktar ’il quddiem.