Il-festa f’ġieħ Sidtna Marija tal-Medalja Mirakoluża kienet iċċelebrata fil-kappella tagħha, il-Blata l-Bajda nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2024. Fil-5.00 pm bdiet adorazzjoni Ewkaristika, li matulha ntalab ir-Rużarju u fl-aħħar ingħatat il-barka. Wara segwiet il-quddiesa solenni tal-festa mmexxija minn Dun Franco Fenech, Kappillan tal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun. Miegħu ikkonċelebra Dun Kevin Schembri, ir-rettur tal-Kappella. Waqt l-omelija Dun Franco qasam riflessjoni dwar kif il-Medalja Mirakoluża kienet mogħtija minn Sidtna Marija stess fid-dehriet lil Santa Katarina Labourè, f’Pariġi. Din hi għodda oħra li tgħin fit-taqbida tan-Nisrani kontra l-ħażen. Fi tmiem il-quddiesa sar it-tberik tad-domni tal-Medalja Mirakoluża li tqassmu lil kull min kien preżenti. Il-kant tal-quddiesa kien animat mill-komunità ta’ novizzi tal-Kongregazzjoni ta’ Ulied il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.
Sors: Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija – sdcmuseum.org