Il-Festa tal-Beatu Nazju Falzon din is-sena ser tiġi ċċelebrata nhar il-Ħamis 30 ta’ Ġunju, 2011, peress li nhar l-1 ta’ Lulju taħbat il-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Nhar il-Gimgħa, 24 ta’ Ġunju, fis-6.15p.m. ir-Relikwja tal-Beatu Nazju Falzon ser tittieħed fil-Kappella tal-Isptar Mater Dei.  Mal-wasla tar-Relikwja fis-6.30p.m. ser tiġi ċċelebrata Quddiesa.

Nhar is-Sibt, 25 ta’ Ġunju, bejn it-8.00a.m. u 7.00p.m. ir-Relikwja  ser tkun esposta għall-qima tal-morda u l-familjari tagħhom fil-Kappella tal-Isptar. Fis-7.00p.m. ser tigi ċelebrata Quddiesa.

F’Jum il-Festa, il-Ħamis, 30 ta’ Ġunju:

Fil-Knisja tal-Ġiżwiti – Il-Knisja li fiha l-Beatu Nazju Falzon waqqaf “Kongregazzjoni”  għall-membri tas-Servizzi u ħejja għall-Magħmudija ‘l fuq minn 650 persuna – Quddies fis-6.30a.m., fl-10.00a.m u f’nofsinhar Quddiesa għall-English Speaking Catholics. Bejn l-10.30am u nofsinhar ser issir adorazzjoni.

Fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, Ta’ Ġiezu – Il-Knisja fejn hu midfun il-Beatu Nazju Falzon – Quddies fis-7.15a.m., fl-10.00a.m., fil-11.00a.m. Fis-6.15pm issir konċelebrazzjoni bis-sehem tal-membri tal-Catholic Enquiry Centre. Wara kull Quddiesa jsir talb għall-morda fuq il-qabar tal-Beatu Nazju Falzon.

IL-BEATU NAZJU FALZON

Nazju Falzon, iben familja ta’ avukati, ħa l-lawrja ta’ avukat mill-Universita’ ta’ Malta, iżda qatt ma eżerċita’ din il-professjoni. Meta temm l-istudju għas-saċerdozju – l-filosofija u            t-teoloġija – u ħa l-ordnijiet minuri, ma ħassux dehen li jsir saċerdot.

Iddedika ħajtu jgħallem l-katekiżmu, l-ewwel lit-tfal subien fil-knejjes tal-Pilar, Sta Barbara u Vitorja, l-Belt, u wara lill-membri tas-servizzi, suldati u baħrin Ingliżi, fil-Knisja tal-Giżwiti. Kellu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp u kien meqjus bħala missier il-foqra.

Nazju Falzon indifen fil-qabar tal-familja, fil-Knisja tal-Patrijiet Frangiskani, “Ta’ Gieżu”. Hu meqjus bħala patrun ta’ l-avukati, membri tas-servizzi u studenti universitarji.