Nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Lulju, 2010, hu jum il-festa tal-Beatu Nazju Falzon.

Dakinhar, fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, Ta’ Ġieżu, Valletta, fejn hu midfun il-Beatu Nazju Falzon, il-ħinijiet tal-Quddiesa jkunu fis-7.15 a.m., fl-10.00 a.m. u  fil-11.00 a.m. Il-Quddiesa tal-10.00 a.m. tkun għall-morda. Fis-6.15 p.m. ssir konċelebrazzjoni  bis-sehem tal-membri tal-Catholic Enquiry Centre. Wara kull Quddiesa jsir talb għall-morda, fuq il-qabar tal-Beatu Nazju Falzon.

Fil-Knisja tal-Ġiżwiti, Valletta, nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Ġunju, fis-6.00 p.m. jingħad ir-Rużarju quddiem Ġesu’ Sagramentat, u fis-6.30 p.m. ċelebrazzjoni tal-Quddiesa b’omelija, talba u venerazzjoni tar-Relikwja. F’din il-Knisja, l-Beatu Nazju Falzon waqqaf  “Kongregazzjoni” għall-membri tas-Servizzi u ħejja għall-Magħmudija aktar minn 650 persuna. Nhar il-Ħamis, l-1 ta’ Lulju, jum il-festa, il-ħinijiet tal-Quddies ikunu:  6.30a.m, 7.00a.m., 8.00a.m., 9.00a.m., 10.00a.m., 11.00a.m. u f’nofsinhar Quddiesa għall-English-speaking Catholics u għall-Maltin miżżewwġin ma’ barranin.

IL-BEATU NAZJU FALZON

Nazju Falzon, iben familja ta’ avukati, ħa l-lawrja ta’ avukat mill-Universita’ ta’ Malta, iżda qatt ma eżerċita’ din il-professjoni. Meta temm l-istudju għas-saċerdozju – l-filosofija u            t-teoloġija – u ħa l-ordnijiet minuri, ma ħassux dehen li jsir saċerdot.

Iddedika ħajtu jgħallem l-katekiżmu, l-ewwel lit-tfal subien fil-knejjes tal-Pilar, Sta Barbara u Vitorja, l-Belt, u wara lill-membri tas-servizzi, suldati u baħrin Ingliżi, fil-Knisja tal-Giżwiti.

Kellu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp u kien meqjus bħala missier il-foqra.

Indifen fil-qabar tal-familja, fil-Knisja tal-Patrijiet Frangiskani, “Ta’ Gieżu”.

Hu meqjus bħala patrun ta’ l-avukati, membri tas-servizzi u studenti universitarji.