Il-Kustodju tal-Art Imqaddsa, Patri Francesco Patton OFM qal li l-ftit Insara li għadhom f’Gaża spiċċaw jgħixu fil-knisja minħabba l-kunflitt imdemmi.

F’intervista ma’ Newsbook Malta, waqt iż-żjara li għamel lill-Provinċja Franġiskana Maltija hu stqarr li huma m’għandhomx patrijiet f’Gaża iżda qed jassistu lis-Sorijiet ta’ Madre Tereża li qed idewwu t-tfal feruti fil-gwerra. Huma kellhom kuntatt mal-iskola f’Gaża, li issa magħluqa għax sfat imġarrfa. Minn madwar elf nisrani issa hemm madwar inqas minn 800.

Mistoqsi jafx persuni li sfortunatament inqatlu, Patri Francesco semma parruċċana anzjana li kienet iddoqq l-orgni, li riedet tiċċekkja darha u nqatlet bi sniper. F’każ separat żewġ nisa oħra nqatlu bi snipers, filwaqt li kien hemm ċirkostanza li fiha persuni li kienu sejrin l-isptar għall-kura sfaw maqtulin.

Mitlub jikkummenta dwar is-sitwazzjoni ta’ Iżrael u l-Palestina hu qal li din hi waħda iebsa ħafna għax wara l-attakki tas-7 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, imwettqa mit-terroristi tal-Ħamas, splodiet il-mibegħda.

Saħaq li l-attakk tas-7 ta’ Ottubru kien massakru kbir imwettaq mill-Ħamas imma r-reazzjoni tal-Iżraeljani kienet kbira ħafna u n-nies maqtula f’Gaża jammontaw għal 35,000, b’70% minnhom huma nisa u tfal. Patton jittama li jintlaħaq qbil dwar il-ħelsien tal-ostaġġi u l-waqfien mill-ġlied. Żied jgħid li hemm bżonn soluzzjoni għall-paċi li ġġib magħha soluzzjoni politika li biha l-Palestina tkun rikonoxxuta.

Bħala mexxejja reliġjużi ma għandhom l-ebda poter li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet politiċi l-kbar għax aktar huma mexxejja morali, “jekk il-President Joe Biden ma jistax jinfluwenza dawn id-deċiżjonijiet aħseb u ara jiena”, stqarr Patton.

Fid-dawl ta’ dak li qed iseħħ qed jippruvaw jimpattaw l-ambjent ta’ madwarhom billi jistiednu l-insara tal-lokal biex jevitaw emozzjonijiet ta’ mibegħda, biex filwaqt li jgħixu l-emozzjonijiet li qed iħossu jwarrbu kull xewqa ta’ vendetta imma fl-istess waqt jappoġġjawhom biex ikomplu b’ħajjithom.

Semma kif fir-realtà s-sitwazzjoni hi akuta mhux biss f’Gaża imma anke fix-Xatt tal-Punent għax in-nies f’Betlehem ma jistgħux jaħdmu u jgħixu, xogħolhom kien fl-industrija tat-turiżmu u marbut mal-pellegrinaġġi iżda kawża tal-gwerra fl-aħħar xhur il-pellegrini naqsu drastikament. Żied jgħid li jittama li għad jasal żmien li l-pellegrini ta’ Malta jkunu jistgħu jappoġġjaw lil pellegrini u lil dawk kollha fl-Art Imqaddsa.

Aktar minn 800 sena ilu bdiet il-ħidma Franġiskana fl-Art Imqaddsa, mbagħad wara żewġ sekli ħadu l-kustodja tal-art b’mod uffiċjali bil-barka ta’ Papa Klement VI. Bdew bi ftit postijiet sagri u maż-żmien il-preżenza tagħhom kibret, skoprew aktar postijiet sagri, irrestawrawhom u ħaduhom taħt il-kustodja tagħhom.

Il-Provinċja Franġiskana hija waħda internazzjonali, hemm 270 patri minn 60 pajjiż differenti filwaqt li 50 żagħżugħ qed jippreparaw ruħhom għal din il-vokazzjoni reliġjuża. Bħalissa huma jamministraw 84 post sagru.

Ara l-filmati tal-intervista hawn.

Sors: Newsbook Malta