• F’Għaqda mal-Papa nitolbu għall-Paċi 

  • Ilkoll smajna bit-talba mqanqla li għamel il-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd l-1 ta’ Settembru 2013 fit-talba tal-Angelus,  dwar il-bżonn li nħarsu l-paċi fid-dinja u l-aktar minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja.

    F’din l-istess talba l-Papa ddikjara li nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru, lejlet il-Festa tat-twelid ta’ Marija, Omm il-Paċi, tkun ġurnata ta’ sawm u talb għall-paċi fis-Sirja, fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha. Għalhekk, tajjeb li nilqgħu din it-talba tiegħu.

    Għal dan il-għan, nhar is-Sibt ukoll, fil-Pjazza ta’ San Pietru, il-Papa ser imexxi velja ta’ talb bejn is-7.00 ta’ filgħaxija u nofsillejl.  Tajjeb li kull min jista’, isegwi din il-velja li se tkun imxandra ukoll fuq l-RTK u Radju Marija.

    Fuq din it-talba tal-Papa, il-Konferenza Episkopali Maltija qed tirrikmanda li fid-Djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex  jittieħdu wkoll dawn l-inizjattivi:

    • li nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru, li hija l-ewwel Ġimgħa tax-xahar, il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun dik tal-paċi u l-ġustizzja, u wara ssir adorazzjoni għal din l-intenzjoni tal-Papa (ser tintbagħat adorazzjoni mill-Kummissjoni Interdjoċesana Lituġika).

    Min is-soltu din l-adorazzjoni jagħmilha l-Ħamis, jista’ jagħmel il-quddiesa tal-paċi u l-adorazzjoni nhar il-Ħamis 5 ta’  Settembru;

    • li noffru t-talba tar-Rużarju li ngħidu kuljum matul dawn il-ġranet b’din l-intenzjoni;
    • li fit-tqarbin tal-morda, li jsir fl-isptarijiet, fid-djar u fid-Djar tal-Anzjani, il-morda kollha jkunu mitluba joffru t-talb u t-tbatijiet tagħhom għall-istess intenzjoni;
    • li l-komunitajiet ta’ Ħajja Konsagrata u l-membri tal-Għaqdiet Ekkleżjali, fit-talb u l-laqgħat ta’ bejniethom, jagħmlu din l-intenzjoni;
    • li fil-quddies ta’ nhar is-Sibt filgħaxija u nhar il-Ħadd matul il-ġurnata, fit-talba tal-Fidili tingħad din it-talba:

    Għall-paċi fid-dinja kollha, b’mod speċjali fis-Sirja u l-Lvant Nofsani. Agħti, Missier, għat-talb ta’ Ommna Marija, l-għerf tiegħek lill-mexxejja tal-ġnus biex ifittxu l-paċi fost il-popli. Biegħed mid-dinja l-gwerer u l-kunflitti li jġibu l-qerda u nissel fi qlub il-bnedmin kollha mħabba u ġustizzja li jwasslu għall-għaqda u s-sliem. Nitolbu.

    .

    MARIO GRECH                                                  PAWLU CREMONA O.P.

        Isqof ta’ Għawdex                                                     Arċisqof ta’ Malta

        President tal-Konferenza Episkopali

    CHARLES J. SCICLUNA                                   

        Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta