F’Ħamis ix-Xirka, il-Papa se jiċċelebra l-quddiesa li tfakkar l-Aħħar Ċena ta’ Sidna Ġesu Kristu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni taż-żgħażagħ Casal del Marmo, minflok fil-Bażilika ddedikata lil San Ġwann Lateran kif tradizzjonalment isir. Dan wara li dakinhar filgħodu se jkun bierek iż-żjut f’quddiesa fil-Bażilika San Pietru.
Il-quddiesa li tfakkar l-Aħħar Ċena hi karatterizzata mill-aħbar tal-kmandament tal-imħabba u mill-ġest tal-ħasil tar-riġlejn. Bħala Arċisqof ta’ Buenos Aires, il-Kardinal Bergoglio kien imdorri jiċċelebra l-quddiesa f’xi ħabs jew fi sptar jew saħansitra f’xi post fejn hemm il-fqar u l-emarġinati. Issa bħala Papa, Bergoglio se jżomm it-tradizzjoni tiegħu, karatterizzata mill-umilta.
Il-bqija taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa se jsiru kif normalment jitħabbar mill-Uffiċċju għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Lura għat-18 ta’ Marzu 2007, il-Papa Emeritus, dak iż-żmien Papa Benedittu XVI, ukoll kien stieden lir-residenti ta’ Casal del Marmo sabiex jiċċeleraw miegħu l-ewkaristija.