-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Knisja Parrokkjali Sacro Cuor, Tas-Sliema
29 ta’ Settembru 2019Fil-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana, hemm kelma li tolqotni ħafna. Meta Ġesù jkellem lill-qaddejja, wara li Ommu Marija qaltlu li naqashom l-inbid, hu jgħidilhom: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U r-rakkont jgħid li dawk il-qaddejja mlew is-sitt ġarar “sax-xifer”.
Kienet Marija li qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Dawn il-qaddejja mxew fuq il-parir ta’ Marija u fuq il-kelma ta’ Ġesù u mlew il-ġarar sax-xifer.
Il-fiduċja
Li tolqotni ħafna hi l-kelma “sax-xifer”. Hi kelma li turi li dawn il-qaddejja meta mlew il-ġarar tant kellhom fiduċja fil-kelma ta’ Ġesù u tant imxew mal-parir ta’ Marija li ma għamlux il-biċċa xogħol nofs qalb. Ma mlewx il-ġarar ftit biex jaraw x’se jiġri. Setgħu rraġunaw: ‘ħa nimlew ġarra waħda u nittestjaw dan x’se jagħmel u mbagħad inkomplu bl-oħrajn’. Le, imlew il-ġarar kollha u komplew sal-aħħar, sax-xifer. Ma għamlux xi ħaġa nofs qalb, imma għamluha tajba sal-aħħar.
Imbagħad komplew kif qalilhom Ġesù u ppreżentaw il-ġarar lil dak li kien jieħu ħsieb il-mejda. U hemmhekk kellhom dik l-esperjenza sabiħa li raw il-fiduċja tagħhom f’Ġesù u Marija tħalli l-frott. Meta bil-qawwa ta’ Ġesù, l-ilma sar inbid, hemmhekk fehmu kemm kienet tiswa din il-fiduċja fih u f’Marija.
Il-fiduċja ta’ dawn il-qaddejja li mlew il-ġarar sax-xifer tolqtok aktar meta tiftakar li, kif jirrakkonta San Ġwann fl-Evanġelju, dan kien l-ewwel fost is-sinjali li għamel Ġesù, l-ewwel miraklu. Ma kellhomx esperjenza diġà tal-mirakli ta’ Ġesù, imma xorta waħda kellhom din il-fiduċja sħiħa fih.
Il-kuruna
Meta llum qed niċċelebraw l-ewwel anniversarju mill-inkoronazzjoni tax-xbieha għażiża tas-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, jien nara din il-ġrajja bħala espressjoni ta’ mħabba kbira minn din il-komunità. Kienet din l-imħabba lejn Ġesù u Marija li qanqlet lin-nies tul is-snin f’din il-parroċċa, u l-kuruna hi xbieha ta’ din l-imħabba.
Aħna lkoll nafu li kien Ġesù li ħabbna l-ewwel qabel ħabbejnieh aħna. Niftakru f’dik l-espressjoni sabiħa meta kien imdawwar mat-12 fl-Aħħar Ċena u, jirrakkonta San Ġwann, “hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar”. Fit-tieġ ta’ Kana, l-ilma biddlu f’inbid; dakinhar tal-Aħħar Ċena l-inbid biddlu fid-demm tiegħu stess. Ta’ Kana kienet turija ta’ mħabba, tal-Aħħar Ċena kienet turija tal-imħabba li tasal ‘sax-xifer’.
Is-sejħa
X’inhi s-sejħa li Ġesù u Marija jagħmlu lilna llum? Hi s-sejħa li din l-imħabba murija fil-kuruna tal-ġrajja tal-inkoronazzjoni aħna ngħixuha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum billi jkollna fiduċja sħiħa fil-qawwa ta’ Ġesù u nimxu aħna wkoll, bħall-qaddejja, mal-parir ta’ Marija: “Agħmlu kulma jgħidilkom Hu”. Qabel ma qalitu dan il-kliem, Marija għexitu. Fl-ewwel ġrajja fejn tidher, meta l-anġlu Gabrijel iħabbrilha li se tkun Omm Alla, nisimgħuha tgħid: “Ikun minni skont kelmtek”. Billi għexet dejjem b’dan l-ispirtu, setgħet tagħti dak il-parir lill-qaddejja biex jagħmlu dak li jgħidilhom Ġesù.
Għalhekk aħna nsejħulha l-omm tal-parir it-tajjeb, u dak il-parir li tat lill-qaddejja tagħtih lilna lkoll kemm individwalment kif ukoll bħala komunità parrokkjali. Infakkar dak li jgħid id-Digriet tal-Inkoronazzjoni ta’ bħal-lum sena meta jitkellem fuq Marija “li minn qalbha ta’ omm tgħidilna dejjem biex inwettqu bl-għajnuna ta’ Alla dak kollu li l-qalb imqaddsa ta’ binha tgħidilna biex nagħmlu.”
Il-bidla
Marija tixtieq li aħna jkollna dik il-fiduċja sħiħa tal-qaddejja li mlew il-ġarar sax-xifer. Hi taf li jekk aħna ngħixu b’din il-fiduċja f’ħajjitna, il-Mulej jagħmel magħna ħwejjeġ kbar. Il-preżenza tiegħu fit-tieġ ta’ Kana kienet preżenza li ġabet bidla għall-aħjar, bidla għal dak li hu l-aktar tajjeb u bnin. Il-preżenza tiegħu f’ħajjitna hekk tagħmel ukoll, jekk aħna nħalluh.
Meta għandna lil Ġesù u Marija magħna, il-garanzija mhijiex li ma jinqalgħux intoppi, problemi, żminijiet diffiċli; imma l-garanzija hi li f’dawn kollha aħna jkollna l-għajnuna li neħtieġu u li tmexxina b’qawwa u b’kuraġġ. Marija turina kif Ġesù jista’ jibdel telfa f’rebħa, is-swied il-qalb fil-ferħ veru, il-vojt ta’ qalbna f’qalb mimlija bih. Hu dak li smajna fl-ewwel qari mill-Profeta Isaija “Aqbżu bil-ferħ intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha… taraw u tifraħ qalbkom.” Hija din il-bidla li jġib Ġesù f’ħajjitna jekk aħna nħalluh u jekk ikollna l-fiduċja sħiħa fih.
Nitolbu llum lil dik “l-omm tal-akbar ħniena, l-omm li dejjem magħna” biex meta aħna bir-raġun ngħidulha “Viva dejjem is-Sultana tal-Qalb ħelwa ta’ Ġesù” din ma tkunx għajta li ħierġa biss bil-fomm ’il barra, imma għajta li tesprimi tassew dak li nħossu f’qalbna, dak li nippruvaw ngħixu f’ħajjitna billi nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù, u nagħmluh b’dik il-fiduċja sħiħa tal-qaddejja li semgħu l-kelma ta’ Ġesù u qagħdu fuq il-parir ta’ Marija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-
-