L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ħa nimmaġinaw ftit li qegħdin fis-7 ta’ Awwissu, mhux hawnhekk imma l-Arġentina, il-post minn fejn ġie l-Papa. U fil-periferija tal-kapitali tal-Arġentina, Buenos Aires, hemm kju twil ħafna ta’ nies, tul ta’ xi 15-il triq, qegħdin mexjin bil-mod il-mod lejn knisja. Din hi x-xena quddiem il-knisja, u t-toroq li jwasslu għall-knisja, is-Santwarju ta’ San Gejtanu, fil-kwartieri ta’ Liniers. Dawn in-nies jiġu fis-7 ta’ Awwissu, fil-festa tiegħu, mill-Arġentina kollha biex jagħtu qima lil dan il-qaddis, min biex jirringrazzjah, min biex jitolbu.
L-imħabba lejn San Gejtanu
Li tolqtok hu kif fl-Arġentina, post daqshekk ’il bogħod, San Gejtanu hu l-qaddis l-aktar maħbub u meqjum wara l-Madonna. Issa San Gejtanu ma kienx mill-Arġentina, jew mill-Amerika Latina, imma kien Taljan u għex l-Italja. Twieled in-naħa ta’ fuq, Viċenza; imbagħad ħadem Ruma; spiċċa Napli, fejn hu midfun. Imma dejjem l-Italja.
Għaliex hemm din id-devozzjoni fl-Arġentina lejn San Gejtanu? Jgħidu li kienet frott tad-devozzjoni ta’ soru, il-Beata Mama Antula. Meta hi kienet responsabbli għal dar tal-irtiri, li waqqfet fit-tarf tas-seklu 18, għamlet xbieha ta’ San Gejtanu għax kellha devozzjoni lejh. U bil-mod il-mod kibret l-imħabba lejn dan il-qaddis, speċjalment ta’ dawk li riedu jitolbuh minħabba l-providenza, biex jipprovdi x-xogħol u l-ikel, għax kienu jqisuh patrun tax-xogħol u l-ikel. Kibret ħafna aktar id-devozzjoni lejh fl-1929, fil-kriżi ekonomika fl-Arġentina, u ħafna nies irrikorrew lejh bħala l-patrun tax-xogħol u tal-ikel.
Il-Papa Franġisku u San Gejtanu
San Gejtanu għandu valur kbir għall-Knisja kollha. Kemm ilu dal-Papa, iktar u iktar, għax il-Papa Franġisku, meta kien għadu Arċisqof ta’ Buenos Aires, l-Arġentina, kull sena kien imur fis-7 ta’ Awwissu u jagħti qima lil San Gejtanu. Mar 14-il darba hemmhekk, sena wara sena. U kull sena kien jagħmel xi ħaġa karatteristika tiegħu: kien imur iqaddes kmieni, u mbagħad jimxi t-triq lura tul il-kju kbir tan-nies, min-naħa l-oħra, biex jiltaqa’ man-nies, jitkellem, jismagħhom, jinkuraġġihom, u jagħtihom ukoll l-għajnuna fit-tbatija tagħhom. Kien jagħmel is-sigħat jimxi hekk, kull sena. Darba kien hemm saċerdot li staqsih: għaliex taħli tant ħin miexi, titkellem man-nies u tismagħhom? U l-Kardinal Bergoglio wieġbu: il-fidi tagħhom issaħħaħ il-fidi tiegħi.
Ir-riforma tagħmilha minn ġewwa, mhux minn barra biex issawwat il-Knisja, jew issawwatha minħabba l-membri u r-rappreżentanti tagħha.
Nistgħu ngħidu li din l-esperjenza ħalliet marka fuqu, fuq il-Papa Franġisku, u llum tidher fil-mod kif hu jaqdi l-missjoni tiegħu bħala Papa għall-Knisja universali. Din l-esperjenza kienet tesprimi dak li llum jgħid fuq il-Knisja li timxi, Knisja fit-triq, Knisja li taħseb f’dawk li huma fqar u batuti, il-Knisja li tinkludi, il-Knisja li qisha sptar f’kamp ta’ battalja. Dan kollu kien jarah fl-esperjenza hemmhekk, fis-santwarju ta’ San Gejtanu, u llum il-Papa qed iwasslu mal-Knisja universali.
Għalhekk tolqotni kif dan il-qaddis, li kien hekk kbir f’ħajtu, bil-ħidma li għamel imma l-aktar bil-qdusija tiegħu, baqa’ daqshekk straordinarju, bl-effett tiegħu fuq il-Knisja kollha wara mewtu. Nixtieq illum insemmi tliet punti importanti li tant spikkaw fil-ħajja ta’ San Gejtanu, li huma ta’ għajnuna għalina, u li l-Papa Franġisku qed jenfasizza.
Fiduċja f’Alla
L-ewwel nett, San Gejtanu kien bniedem ta’ fiduċja kbira f’Alla – “Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla”. Kienet din il-fiduċja f’Alla li lilu mbuttatu u mexxietu biex jieħu tant inizjattivi għall-ġid tal-bniedem. Dejjem bil-fiduċja f’Alla, dejjem bit-talb – il-kuntatt ma’ Alla li kien l-għajn li minnha kien jixrob. Kien jgħid u jfakkar li aħna f’din il-ħajja pellegrini u vjaġġaturi lejn is-sema pajjiżna. U kellu devozzjoni kbira lejn l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-mument tal-bidu – għalhekk l-imħabba lejn il-presepju; u fil-mument meta, kif smajna fl-Evanġelju, Ġesù qed jagħti ħajtu – għalhekk l-imħabba lejn il-kurċifiss, Ġesù fuq is-salib. Kellu din il-fiduċja f’Alla li hu ried iwassal lil kulħadd. Għalhekk kien jemmen fil-providenza ta’ Alla, u bħala qaddis baqa’ jfakkarna fil-providenza ta’ Alla.
Riformatur kbir
San Gejtanu kien ukoll riformatur kbir. Fil-Knisja għamel ħafna ġid billi ġedded, irriforma, speċjalment il-kleru. Għalhekk waqqaf il-Kongregazzjoni klerikali tat-Teatini, li l-ewwel skop tagħha kien il-qdusija tal-kleru u t-tiġdid fil-ħajja tal-kleru. Kien jaf – u dak li kien jgħodd dak iż-żmien jgħodd ukoll għal dan iż-żmien – li hu importanti li l-ħajja tas-saċerdot tkun kontinwament imġedda, fid-dawl ukoll tal-kelma li smajna llum fuq Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb.
San Gejtanu… bil-ħidma tiegħu bl-umiltà ġedded il-Knisja u l-protagonista baqa’ dejjem Alla.
Imma San Gejtanu wriena x’jiġifieri tkun riformatur kif irid il-Mulej. Jiġifieri, li l-ewwel tagħti xhieda int ta’ dak li trid tara aħjar. Għalhekk dawn is-saċerdoti tal-Kongregazzjoni tiegħu kienu juru tassew il-bidla li jixtiequ jaraw. Flok jitkellmu biss fuq dak li jixtiequ jaraw, juruha bix-xhieda tagħhom. Hekk issir ir-riforma l-ewwel, billi int stess tagħti xhieda. Ukoll, ir-riforma tagħmilha minn ġewwa, mhux minn barra biex issawwat il-Knisja, jew issawwatha minħabba l-membri u r-rappreżentanti tagħha. San Gejtanu hu l-aqwa eżempju ta’ dan, tar-riforma minn ġewwa. U wkoll ir-riforma tgħin biex toħroġ tassew il-qdusija, li tant hi importanti fil-ħajja tal-Knisja, u li hija dik li ġġib il-vera bidla. Mhux għax San Gejtanu għamel lilu nnifsu protagonista, anzi proprju l-kontra; ma ġibidx l-attenzjoni – “ara jien se nirriforma l-Knisja” – ma għamilx hekk. Imma bil-ħidma tiegħu bl-umiltà ġedded il-Knisja u l-protagonista baqa’ dejjem Alla.
Imħabba lejn il-fqar u l-morda
San Gejtanu kellu mħabba kbira lejn il-fqar u l-morda, u dawk li qed ibatu. Kien jgħaqqad flimkien l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn dawk li huma fil-bżonn. Qatt ma sseparahom, qisek trid tagħżel minnhom. Anzi l-istess imħabba lejn Alla wasslitu biex jieħu inizjattivi għal dawk li huma fil-bżonn, kif għamel bil-bini ta’ sptarijiet, bil-kura tal-morda, u bl-attenzjoni għall-fqar; kif għamel ukoll bl-inizjattiva ta’ bank li jista’ jsellef il-flus lill-fqar, il-Monte di Pietà oriġinali f’Napli – dawn l-inizjattivi sbieħ ta’ ġid għas-soċjetà u speċjalment għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn.
Ispirazzjoni għalina
Ejjew għalhekk nitolbuh lil San Gejtanu biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni u ta’ barka għall-ħajja tagħna. Nitolbuh għal kull wieħed u waħda minna, biex ibierek lilna; nitolbuh għall-familji tagħna, għal din il-parroċċa għażiża ddedikata lilu, għall-Ħamrun kollu, anke għall-Knisja biex tkompli tara fih tassew ispirazzjoni sabiħa. U nitolbuh biex aħna, kull wieħed u waħda minna, meta nħarsu lejh, niftakru f’dan l-eżempju sabiħ li jagħtina li tant jiswielna għall-ħajja tagħna, jiġifieri li jkollna fiduċja sħiħa f’Alla; li naħdmu għat-tiġdid tal-Knisja u tas-soċjetà billi l-ewwel niġġeddu aħna; u li dejjem ikollna attenzjoni u mħabba għall-fqar, għall-morda u dawk kollha li għaddejjin mit-tbatija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju