L-ogħla qorti Ġermaniża tat direzzjoni ċara li jum il-Ħadd għandu jibqa’għall-mistrieħ u marret kontra liġi f’Berlin li tħoll ċerti restrizzjonijiet fuq ix-xiri f’jum il-Ħadd. Għadd ta’ gazzetti laqgħu l-aħbar, uħud għal raġunijiet ta’ reliġjon, oħrajn għal raġuni ta’ tradizzjoni, oħrajn minħabba tħassib dwar id-drittijiet tal-ħaddiema.
Diversi stati fil-Ġermanja diġa kienu ħolqu xi eċċezzjonijiet u ppermettew ħwienet sabiex jiftħu numru ta’ Ħdud fis-sena. Fl-2006 Berlin bdiet tippermetti lill-ħwienet jiftħu għaxart iĦdud fis-sena, inkluż l-erbat iĦdud tal-Avvent ta’ qabel il-Milied.
Għaldaqstant il-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġermanja laqgħet ilment mill-Knisja Protestanta u Kattolika fil-pajjiż, liema ilment kien ibbażat fuq klawżola fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż li tgħid li l-Ħadd għandu jkun jum ta’ mistrieħ u “qawmien spiritwali”. Fl-aħħar jiem il-Qorti ddeċidiet affavur tal-Knejjes u qalet li l-ftuħ tal-ħwienet m’għandux isir erba’ ġimgħat wara xulxin. Id-direzzjoni tal-Qorti għandha tidħol fis-seħħ u tkun infurzata mis-sena d-dieħla u għalhekk mhux se taffettwa x-xiri l-Milied li ġej.