Il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ministeru tal-Kura tas-Saħħa, l-Arċisqof Zygmunt Zimowski, qal li l-imwiet ta’ aktar minn miljun persuna kull sena bl-AIDS, it-tbatija tal-familji u l-infezzjonijiet ġodda ta’ mijiet ta’ eluf ta’ trabi huma inaċċettabbli meta wieħed jiftakar li teżisti l-mediċina biex tipprevjeni milli jaħkem dal-mard.
Fl-okkażjoni tal-Jun Dinji tal-AIDS, l-Arċisqof Zimowski qal li “f’dal-jum, wieħed għandu jieħu l-okkażjoni biex jippromwovi l-aċċess universali għat-terapiji lil dawk milquta mill-infezzjonijiet, kif ukoll il-prevenzjoni mit-trasmissjoni tal-infezzjoni mill-ommijiet għal għand l-ulied, kif ukoll edukazzjoni sesswali responsabbli”.
Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis, l-Arċisqof kompla jgħid li “minkejja l-iżvilupp fil-mediċina fl-aħħar għoxrin sena, ta’ kull sena xorta qed jitilfu ħajjithom mal-miljun u tmien mitt elf persuna bl-AIDS. “Dawn huma nies li, jekk ikollhom aċċess għat-terapiji farmakoloġiċi partikolari għall-każ tagħhom, jistgħu jgħixu ħajja normali”, kompla Zimowski. Fi kliemu, “imwiet mhumiex iżjed ġustifikabbli, bħalma lanqas hu ġustifikabbli l-uġigħ li jġarrbu l-familji tagħhom. Dan minbarra li mijiet ta’ eluf ta’ tfal qed jispiċċaw orfni ta’ kull sena b’konsegwenza ta’ tali imwiet”.