• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • MCAST, Raħal Ġdid
    23 ta’ Marzu 2018

    Il-festa tal-lum hija festa devozzjonali, antika ħafna, li aħna l-Maltin, bħal pajjiżi oħra fil-Mediterran, bqajna ngħożżu u nibqgħu ngħożżu. Forsi tiftakru li Oliver Friggieri, meta kkumenta fuq din il-festa, sejħilha “il-festa verament nazzjonali”. U kien qed jirreferi għal devozzjoni qawwija ħafna li f’dan il-pajjiż tgħaqqad diversi nies li, matul is-sena u llum iżjed u iżjed fuq is-social media, ikunu qegħdin jitqatlu bħal klieb u qtates.

    Bl-eżempju tagħha trattab ftit mill-ebusija tal-qalb tagħna.

    Niftakarni niċċelebra din il-festa t-Tarzna u anke x-Shipbuilding u ma kontx tmur f’ħanut kif kienu jgħidulu t-Tarzna workshop u ma tarax xbieha tad-Duluri: din l-Omm imbikkma ħdejn is-salib ta’ binha li tiġbed il-qlub, kultant iebsa, tagħna lejha. U bl-eżempju tagħha trattab ftit mill-ebusija tal-qalb tagħna. Fiha naraw tant tbatijiet li mhumiex antiki elfejn sena, imma attwali. Illum niftakru f’tant ommijiet inkwetati minħabba wliedhom.       

    Ilbieraħ kelli l-opportunità nżur r-residenti fil-faċilità korrettiva għaż-żgħażagħ li hemm fl-Imtaħleb, il-YOURS. Erba’ tfajliet u sittax-il żgħażugh minn erbatax-il sena sa’ tnejn u għoxrin. U jiena u niltaqa’ magħhom personalment u ngħidilhom ‘Kemm għad baqgħalhek hawn? Kemm ilek hawn?’ Waqt li bdejt nipprova nifhem x’jagħmlu matul il-ġurnata ħsibt ukoll fl-ommijiet tagħhom; l-inkwiet tal-omm lil binha li ħabbitu, tagħtu l-ħajja jew adottatu, ma jkunx magħha, imma qiegħed ’il bogħod, imsakkar xi mkien.   

    Marija Addolorata għandha din il-qawwa: li mill-qalb tagħha joħroġ istint matern li jolqot lilna wkoll.  

    Bħall-ommijiet li fil-weekend jaraw lilkom, jaraw iż-żgħażagħ tagħna, joħorġu għall-postijiet tad-divertiment u l-mistoqsija hi: Se jkun hemm min jieħu ħsieb lit-tifel tiegħi, lit-tifla tiegħi? Jew se jiġrili bħalma ġara lil ħaddieħor: it-tifel joħroġ ħaj u nsibu katavru? Dawn huma wkoll l-istinti materni li bħal-lum naħsbu fihom u ma nistgħux ma nħossux għal dawn l-ommijiet, għal kull omm fid-dinja. 

    Marija Addolorata għandha din il-qawwa: li mill-qalb tagħha joħroġ istint matern li jolqot lilna wkoll. Għaliex? Għaliex illum hija wkoll it-tifkira tal-maternità tagħha. Kull omm hi hija missier-omm tgħaddi minn proċess ta’ tbatija. U l-Mulej ippermetta li ommu ssir omm tagħna f’dan it-tip ta’ proċess ta’ tbatija. It-tbatija tagħha ħdejn binha hi tbatija kbira daqskemm kienet kbira l-innoċenza ta binha. Hi kienet taf lil Binha, ġarritu fil-ġuf, semgħet il-profezija fuqu li jrid isalva lil ħutu mid-dnub u għalhekk issemma Yeshua, Alla jsalva, għax dik kienet il-missjoni tiegħu.   

    Id-dmugħ tal-omm huwa dmugħ tassew partikolari.   

    Imma semgħet ukoll meta ppreżentat lit-tarbija tagħha flimkien ma’ Ġużeppi wara erbgħin jum mit-twelid, il-profezija ta’ Xmun. “Dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh. U lilek sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2 34-35). Dan il-kliem Marija semgħetu meta t-tarbija tagħha kellha biss erbgħin ġurnata. Semgħet il-profezija li dan il-wild huwa s-salvazzjoni, huwa d-dawl tal-ġnus u l-glorja ta’ Iżrael, imma semgħet ukoll il-profeżija ħarxa: “Dan se jkun sinjal li jmeruh. Lilek sejf jinfidlek ruħek”.  Għalhekk fl-ikonagrifija tad-Duluri, il-Madonna għandha dak is-sejf. Is-sejf huwa riferiment għal din il-profezija u din il-kelma li juża’ Xmun fit-tempju meta Ġesù kellu erbgħin jum. Hemm imbagħad ikonografija li minflok stalett wieħed, ikun hemm seba’ għas-seba’ duluri tal-Verġni Mbierka. 

    Illum mhijiex biss il-festa ta’ maternità li tiswa ħafna tbatija, imma hija wkoll l-istedina ta’ solidarjetà vera.

    U kull omm tgħaddi minn dan il-proċess terribli biex tikkonferma l-maternità tagħha. U aħna nikkomwovu ruħna naħsbu f’ommijietna li jinkwetaw għalina għax id-dmugħ tal-omm huwa dmugħ tassew partikolari.   

    Imma aħna wkoll rridu nsellmu lil kull min fid-dinja jagħti ħajtu biex ikun qrib min hu dgħajjef, min hu vulnerabbli, min hu batut. U għalhekk illum mhijiex biss il-festa ta’ maternità li tiswa ħafna tbatija, imma hija wkoll l-istedina ta’ solidarjetà vera. Id-dinja fiha ħafna solitudni għaliex fiha tonqos is-solidarjetà u r-risposta li rridu nagħtu llum mhux biss bil-preżenza tagħna u bid-devozzjoni tagħna lejn id-Duluri, hija li aħna nagħtu ħajjitna b’solidarjetà mal-proxmu.   

    Anke fil-ħolm tagħna! Kemm hu sabiħ li fil-ħolm tagħna nistaqsu lilna nfusna: Imma dak li nixtieq nagħmel b’ħajti, x’utilità se jkollu għal ħaddieħor? Kif se nagħti ħajti għal ħaddieħor? Dak li qed noħlom, dak li nixtieq nagħmel, dak li nixtieq nivvinta, il-proġett li qegħdin naħdmu fuqu kif ser jgħin? Niftakru biss f’xjenzjat famuż Alfred Nobel li wara li vvinta l-isplussiv, kellu din il-konverżjoni u ried ipatti, talli x-xjenza, li l-Mulej bierku biha, għamlet tant qerda, swiet tant ħajjiet u ried ikun appostlu tal-paċi, il-Premju Nobel.   

    Ilkoll kemm aħna għandna bżonn xi ħadd li jkun qrib tagħna.

    U din hija l-mistoqsija li hemm bżonn tagħmlu intom li qegħdin f’istituzzjoni terzjarja ta’ tiftix, ta’ riċerka, ta’ akkademja, u li ħafna drabi l-indirizz tagħha huwa konkret għall-utilità. Staqsu lilkom nfuskom: X’inhi d-dimensjoni ta’ solidarjetà f’dak li qegħdin nagħmlu, fil-motivazzjonijiet u fil-ħolm tagħna.   

    Wara kollox illum nimpenjaw ruħna li nkunu solidali ma’ xulxin. Kull wieħed u waħda minna jgħaddi minn mumenti ta’ kriżi, ta’ depressjoni, ta’ nuqqas ta’ ħila jew nuqqas ta’ saħħa fiżika jew mentali. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn xi ħadd li jkun qrib tagħna. Id-deċiżjoni tal-omm ta’ Ġesù kienet li tkun qrib binha meta kulħadd abbandunah. Jekk kulħadd staħa minnu ħlief il-Maddalena u Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, hi ma staħtx minn binha. Hi kienet hemm; l-omm tal-ikkundannat, l-omm ta’ dak li ppretenda li jkun ir-Re tal-Lhud u spiċċa msallab. Imma hija wkoll l-omm ta’ dak li jaħfer: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Huwa Ġesù li l-ħalliel it-tajjeb ma wegħdux il-ġid tad-dinja lanqas xi onorofiċenza ta’ din l-art, imma qallu: “Il-lejla tkun miegħi l-ġenna” (v. 43). Dak li deher fqir, kien kapaċi jwiegħed l-eternità. Dak li kien ikkundannat, kellu l-qawwa jaħfer. Dak li ħass lill-Mulej, il-Missier, ’il bogħod minnu: “Għaliex tlaqtni?” (Mt 27, 46), seta’ jagħti l-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb, il-komunjoni ma’ Alla u qallu wkoll: “F’idejk  jien nerħi ruħi” (Lq 23, 46).   

    Illum ningħaqdu mal-Madonna ħdejn is-salib ta’ binha u nisimgħu l-kliem ta’ Ġesù; il-kliem ta’ Ġesù indirizzat lilha u lilna: “Hawn hu ibnek, hawn hi ommok” (Ġw 19, 26-27). Ħaseb fiha, b’mod tipikament tiegħu, għaliex bħala armla mingħajr it-tifel jieħu ħsiebha u l-extended family li kien hemm Nażaret kienu diġà daru biha għal tliet snin, Ġesù kien qed jinkwieta x’se jsir minn ommu. Meta fdaha lil Ġwanni, id-dixxiplu afdat u maħbub, ried iserraħ rasu ta’ Alla bniedem li hu, li se jkun hemm xi ħadd jieħu ħsieb lil ommu. Kemm hi ħaġa qaddisa li meta nifhmu l-qalb ta’ Ġesù nifhmu li hija qalb totalment mogħtija għal ħaddieħor, għal ħaddieħor! “L-aħħar qatra ta’ demmek tajtilna” (Innu: Tina l-Ħlewwa).

    Ejjew nitolbu biex f’dawn il-jiem aħna ma niddejqux ninħaslu bid-demm ta’ Ġesù li ħareġ mill-kustat tiegħu, ma niddejqux nilqgħu d-dmugħ tal-Omm biex aħna bħalha nitgħallmu nkunu solidali ma’ min għandu bżonn.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: RUM 8, 31B-39
    Salm: 17
    Evanġelju: Ġw 19 25-27
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace