Il-Papa Benedittu XVI fil-messaġġ tiegħu Urbi et Orbi filwaqt li awgura l-Milied it-Tajjeb b’diversi lingwi, fosthom bil Malti, tkellem dwar il-Liturġija tal-Milied li hija mmirata lejn il-Knisja Kattolika u dawk li jemmnu fiha, li jiffurmaw parti mill-familja kbira Universali ta’ dawk li jemmnu fi Kristu.
Fil-Messaġġ tiegħu Benedittu XVI appella mill-ġdid sabiex dawk li jgħixu fl-Art Imqaddsa, propju fejn twieled il-Messija, jabbandunaw kull xorta ta’ vjolenza u ta’ vendetta biex jimpenjaw lilhom infushom b’ħeġġa mġedda u b’ġenerożita’ fil-vjaġġ lejn il-paċi. Huwa qal li l-Knisja f’dawn iż-żminijiet hija preżenti wkoll f’pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tefa’ l-ħsibijiet tiegħu fuq il-komunita’ Nisranija li tgħix f’dan ir-reġjun. Il-Papa qal li għall-kuntrarju tal-loġika tal-vjolenza u l-ġlied li jgħixu fiha, dawn l-Insara minkejja t-tbatija u l-inġustizzji li jsofru, dawn jagħtu l-kontribut tagħhom għall-bini tal-għixien flimkien taċ-ċittadini.
Benedittu XVI semma l-ħidma tal-Knisja fi Sri Lanka, fil-Peninsula Koreana u l-Filippini kif ukoll artijiet oħra fl-Asja. Huwa fakkar li minkejja t-traġedji u d-diffikultajiet li jgħafsu fil-pajjiżi Afrikani iċ-ċittadini huma mistiedna għat-tama. Fil-Messaġġ tiegħu il-Papa sejjaħ għall-waqfien ta’ kull abbuż ta’ poter fir-Repubblika Demokratika tal-Congo. Fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa, il-Knisja tħeġġeġ lill-bnedmin biex jgħaddu minn mentalita’ egoista u tekniċista, biex imexxu ‘l quddiem il-ġid komuni u jirrispettaw lill-persuni l-iktar dgħajfa b’mod partikolari dawk li għadhom ma twieldux.
Il-Papa temm il-messaġġ tiegħu billi awgura l-Milied it-Tajjeb b’diversi lingwi fosthom bil-Malti.
Il-Papa temm jgħid li l-Insara kollha waqt li jiffurmaw komunjoni għall-kulħadd, bħar-Rgħajja ta’ Betlehem għandhom jikkontemplaw mimlijin stgħaġib u gratitudni dan il-Misteru ta’ Mħabba u ta’ Dawl.
Aktar kmieni l-Papa kien involut f’inċident fil-Vatikan u li b’fortuna ma kellux konsegwenzi gravi għalih. L-inċident seħħ ftit qabel il-quddiesa tal-Lejl tal-Milied fil-Bażilika ta’ San Pietru. Il-Papa Benedittu Sittax kien miexi proċessjonalment fil-Bazilika biex jiċċelebra l-quddiesa, meta mara qabżet il-barrieri għal fuqu u ġibditu lejn l-art.
Il-Kelliem għall-Vatikan Patri Federico Lombardi, qal li l-Papa li għandu 82 sena, fil-kommozzjoni li nqalgħet, waqa’ iżda minnufih reġa qam u baqa’ sejjer lejn l-artal. Huwa ma weggax. Il-mara waqqgħet ukoll fl-art lil-Kardinal Franċiż Roger Etchegaray li għandu 87 sena. Il-Kardinal Etchegaray kellu jitpoġġa f’siġġu tar-roti u wara ttieħed l-isptar fejn instab li sofra ksur fl-għadma ta’ siequ. Il-mara li qed jingħad li hija mentalment instabbli hija l-istess mara li fil-quddiesa tal-Milied is-sena li għaddiet ppruvat taqbeż il-barrikati biex tkun qrib il-Papa. Hija qed tiġi interrogata mill-pulizija. Rapporti jgħidu li hija qalet li ma kellhiex interess li tweġġa’ lill-Papa.