F’konferenza tal-aħbarijiet b’aġġornament lill-mezzi tal-media, il-Ħamis wara nofsinhar il-Kap tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, qal lill-ġurnalisti li ma ddumx ma tkun lesta l-investigazzjoni dwar żvelar ta’ dokumenti kunfidenzjali tal-Vatikan, liema investigazzjoni qed titmexxa minn Kummissjoni ta’ tliet Kardinali mmexxija mill-Kardinal Julian Herranz. Il-Kummissjoni speċjali, maħtura mill-Papa nnifsu, se tkun qed tissottomettilu r-riżultati tal-ħidma investigattiva tagħha l-ġimgħa d-dieħla.
Sadattant, investigazzjoni separata ta’ Paolo Gabriele, l-maġġordom tal-Papa li kien arrestat nhar it-23 ta’ Mejju akkużat bl-iżvelar ta’ dokumenti kunfidenzjali tal-Vatikan, għadha għaddejja. Patri Lombardi qal li Gabriele għadu qed jinżamm taħt il-kustodja fl-istazzjon tal-pulizija tal-Vatikan. Maġistrat mistenni li jikkonkludi l-investigazzjoni fil-bidu t’Awwissu. Ikun imbagħad il-waqt li tittieħed deċiżjoni dwar jekk jitwaqqgħux l-akkużi miġjuba kontrieh jew jekk jgħaddix ġuri.
Il-ġiżwita Lombardi ikkonferma wkoll li l-Papa Benedittu XVI qed juża ż-żmien tiegħu ta’ btala sabiex itemm it-tielet u l-aħħar volum tas-serje tiegħu Ġesu ta’ Nażaret. Huwa mifhum li qed iħejji wkoll għall-vjaġġ appostoliku li hu skedat li jagħmel lejn il-Libanu f’Settembru li ġej, kif ukoll għas-Sena ddedikata lill-Fidi, li se titnieda f’Ottubru li ġej.