L-Azzjoni Kattolika Maltija inawgurat ir-residenza Dar Regina Pacis f’Ħal Balzan li se tkun qed toffri akkomodazzjoni lill-persuni u l-familji vulnerabbli.
Nhar il-Ħadd li għadda, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi bierek din id-dar u tkellem fuq l-importanza li servizz bħal dawn ikunu offruti f’Malta u l-irwol tal-Knisja fil-ħidma soċjali fost l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà.
Din id-dar se titmexxa mis-Segretarjat Assistenza Soċjali (SAS) fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija u se tkun qed tilqa’ l-persuni li għal raġunijiet varji ma jkunux jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.
Dawn il-persuni se jingħataw għajnuna mill-ħaddiema u l-voluntiera biex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji u jintegraw aktar fis-soċjetà.
Dan il-proġett seħħ grazzi tal-mijiet ta’ benefatturi li taw id-donazzjonijiet tagħhom u x-xogħol ġie ffinanzjat mill-Voluntary Organisations Project Scheme li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni.
F’Ottubru tas-sena l-oħra, l-Arċdjoċesi ta’ Malta u Care Malta ffirmaw ftehim sabiex Dar Sant’Anna tiġi rrestawrata biex tibda tilqa’ tfal minn ambjenti soċjali diffiċli li jkollhom bżonn protezzjoni.
Sors: Newsbook Malta