-
Ir-reazzjonijiet tad-delegazzjoni Maltija
-
-
Bejn ilbieraħ u llum delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna qed tattendi għall-kungress internazzjonali ‘(Re)Thinking Europe’ fil-Vatikan, organizzat mill-Kummissjoni tal‑Konferenzi tal‑Isqfijiet Ewropej (COMECE) u s-Santa Sede.
Fid-diskors tiegħu lit-350 parteċipant mit‑28 pajjiż tal‑Unjoni Ewropea, fosthom rappreżentanti għolja tal‑Knisja u mexxejja politiċi Ewropej, l-Arċisqof Charles J. Scicluna tkellem dwar l-importanza tal-bini ta’ pontijiet u s-solidarjetà bejn il-popli Ewropej, biex flimkien jaslu “għall-konvinzjoni li l-ġid ta’ pajjiż u ta’ poplu huwa wkoll il-ġid ta’ pajjiż u poplu ieħor.”
L-Arċisqof saħaq li quddiem l-isfidi li għaddejja minnhom bħalissa l-Ewropa, iċ-ċittadin Nisrani għandu post ċentrali għaliex l-aspirazzjonijiet fundamentali tal-Ewropa huma wkoll aspirazzjonijiet Insara. Dan għaliex huma bbażati fuq id-dinjità ta’ kull bniedem, ir-rispett lejn il-valur tal-ħajja mill-bidu nett tal-konċepiment sat-tmiem naturali, u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fejn is-saltna tad-dritt mhix biss kelma imma wkoll realtà ta’ kuljum.
Il-kummenti fil-filmat huma tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, li huwa wieħed mill-kelliema f’dan il-kungress u li qed imexxi d-delegazzjoni Maltija, tal-Isqof Mario Grech, ta’ Dr Aaron Farrugia, Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej u d‑Djalogu Soċjali, Dr Roberta Metsola, Membru Parlamentari Ewropew, u Dr Vanni Xuereb, Kap tal‑MEUSAC.
-