Ftit tal-jiem ilu, l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-Kardinal Mauro Gambetti, mexxa ċ-ċerimonja msejħa ‘Recognitio’.
Dan ir-rit isir sabiex tinkiseb lura ċ-ċavetta tal-bieb, li nhar l-24 ta’ Diċembru – f’Lejlet il-Milied – il-Papa Franġisku jkun jista’ jiftaħ il-Porta Santa biex jinawgura l-Ġublew tat-Tama.
Fiċ-ċerimonja tar-Recognitio li saret nhar it-2 ta Diċembru, kien hemm l-irkupru ta’ kaxxa tal-ħadid issiġillata li tkun impoġġija f’ħajt. Għaldaqstant is-sampietrini – il-ħaddiema tal-manutenzjoni tal-Vatikan – ikissru biċċa mill-ħajt biex ikunu jistgħu jġibu din il-kaxxa, li kienet tpoġġiet hemm fl-20 ta’ Novembru 2016 meta ngħalaq il-Ġublew tal-Ħniena.
Il-Kardinal Gambetti mexxa purċissjoni, akkumpanjata bil-kant tal-Litanija tal-Qaddisin, lejn l-altar ewlieni tal-Bażilika, fejn il-parteċipanti qasmu ftit ħin ta’ talb qabel ma mxew lejn l-Awla tal-Kapitlu.
X’kien fiha din il-kaxxa?
Fil-kaxxa kien hemm iċ-ċavetta u l-pumijiet tal-Bieb, il-parċmina Rogito li tiddokumenta l-għeluq tal-bieb, erba’ ingotti tad-deheb, kif ukoll diversi midajli, fosthom mill-ponitifkati tal-Papa Franġisku, Papa Benedittu XVI u l-Papa Qaddis Ġwanni Pawlu II.
Għaċ-ċerimonja attendew l-Arċisqof Rino Fisichella – Pro-Prefett tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni – u l-Arċisqof Diego Ravelli, iċ-Ċerimonjier tal-Liturġija Pontifikali.
Huma ħadu d-dokumenti u l-oġġetti mir-Recognitio u wassluhom lill-Papa Franġisku.
Sors: Newsbook Malta