Nhar il-Ħamis 31 ta’ Ottubru 2019, l-Arċisqof Charles J. Scicluna nieda ktieb ġdid bl-isem ‘Religion and the 1921 Malta Constitution, Genesis and Implications’.
F’dan il-ktieb, l-Arċisqof jistħarreġ l-oriġini u d-diskussjoni li saret fil-bidu tas-seklu 20 biex ir-reliġjon Kattolika tiddaħħal fil-liġijiet Maltin. Fil-ktieb hemm dokumentat id-diskussjoni li saret, ir-rapporti li tħejjew u l-personalitajiet li b’xi mod jew ieħor kienu involuti fl-ewwel żewġ deċenji tas-seklu 20. L-Arċisqof jagħmel l-analiżi tiegħu wkoll dwar dak li kien seħħ.
Il-ktieb jinkludi għadd kbir ta’ dokumenti li qatt ma ġew ippubblikati qabel. Qed jiġu ppubblikati wkoll ritratti tal-personaġġi li kellhom xi sehem jew ieħor dwar id-Dikjarazzjoni tar-Reliġjon. Ħafna mir-riċerka li kien għamel l-Arċisqof kienet saret fl-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku fl-Ingilterra fis-snin 80 bħala parti mill-istudji tiegħu.
Il-ktieb bi 350 paġna ġie ppubblikat minn Kite Group. Kopji tiegħu jistgħu jinxtraw minn www.kitegroup.com.mt.