Il-Katidral ta’ Notre Drame f’Pariġi li nħakem minn nirien f’April tal-2019 infetaħ mill-ġdid wara ħames snin ta’ manutenzjoni metikoluża.
F’ċelebrazzjoni solenni li għaliha attendew madwar 40 mexxej influwenti minn madwar id-dinja fosthom il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President tal-Amerka Donald Trump u l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, kif ukoll il-Prinċep William f’isem il-Familja Rjali, ġie inawgurat mill-ġdid il-katidral rinomat mad-dinja kollha.
Wara ħames snin siekta, id-daqq tal-qanpiena ta’ Notre Dame magħrufa bħala ‘bourdon’ tat bidu għaċ-ċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof ta’ Pariġi Laurent Ulrich li ħabbat tliet taħbitiet fuq il-bieb tal-katidral bħala sinjal tal-ftuħ uffiċjali.
Ġie inawgurat u mbierek mill-ġdid l-orgni, liema instrument imur lura għal 300 sena ilu, u li b’kawża tan-nirien ġarrab ħsarat kbar.
F’ittra mill-Papa Franġisku, intweriet ix-xewqa li dan il-Katidral ikun ta’ sinjal profetiku għat-tiġdid tal-Knisja fi Franza. Matul iċ-ċelebrazzjonijiet, ġiet rikonoxxuta wkoll il-ħidma sfiqa tal-pumpiera li rnexxielhom isalvaw din il-knisja li tmur lura għal 8 sekli ilu. Il-President ta’ Franza Emmanuel Macron sejjaħ lill-imgħammdin sabiex jistqarru l-fidi tagħhom mill-ġdid huma u jidħlu f’dan il-katidral prestiġġjuż.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof sostna li dan il-katidral mhuwiex lok biss għall-prinċipijiet jew għal dawk li għandhom pożizzjoni għolja iżda għal kulħadd, inkluż għall-barranin u għal dawk li ma jemmnux.
Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bil-kant tal-Magnificat, bit-talba tal-Missierna, bil-barka mill-Arċisqof u l-kant tat-Te Deum.
Sors: Newsbook Malta