• B’ritmu tropikali Panamanjan u ispirat mit-tema tal-avveniment, il-kanzunetta “Behold the handmaid of the Lord, let it be done to me according to your word,” – “Ħa jsir minni skont kelmtek” – (Luqa 1,38), hi l-kanzunetta uffiċjali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama 2019. Din tħabbret waqt is-Cena de Pan y Vino, avveniment annwali u tradizzjonali  fl-Arċidjoċesi tal-Panama biex jinġabru fondi għas-Seminarju Maġġuri ta’ San José.
     
    L-Arċisqof tal-Panama, José Domingo Ulloa Mendieta, qal li “l-kanzunetta hija sejħa biex f’dawn iż-żminijiet issir dixxiplu u missjunarju, billi nimxu fuq l-eżempju tal-Verġni Marija”. Huwa żied jgħid: “Aħna eċċitati li din il-kanzunetta se tkun disponibbli għaż-żgħażagħ kollha ta’ madwar id-dinja, li meta jkantawha, jistgħu jsibu ferħ u jħallu lilhom infushom jinbidlu permezz ta’ Alla”.
     
    Il-kanzunetta nkitbet minn Abdiel Jiménez, katekist u salmista tal-Parroċċa ta’ Kristu Rxoxt f’San Miguelito, fil-Belt ta’ Panama. Huwa wkoll l-awtur ta’ ħafna kanzunetti liturġiċi u jipparteċipa f’diversi korijiet.
    L-innu ntgħażel permezz ta’ proċess ta’ għażla wara sejħa pubblika għas-sottomissjonijiet. Ġurija magħmula minn professjonisti mill-industrija tal-mużika, naqqset l-għażla ta’ 56 kanzunetta għal tliet finalisti. Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill Pontifikali għall-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja f’Ruma, għażel il-kompożizzjoni tas-Sur Jiménez bħala kanzunetta tal-avveniment.