Waqt iż-żjara tiegħu fir-Renju Unit bejn is-16 u d-19 ta’ dan ix-xahar, il-Papa Benedittu XVI se jkun qed jirreċita t-talb ewkaristiku tal-quddies bil-Latin. Waqt l-aħħar ġimgħa t’Awwissu, l-Isqfijiet tal-Iskozja, l-Ingilterra u Wales qassmu miljun kopja tal-edizzjoni speċjali tal-Magnificat, mħejjija apposta għaż-żjara tal-Papa. Din l-edizzjoni speċjali tinkludi kant għall-quddiesa tal-Papa fi Glasgow fis-16 ta’ Settembru, tal-quddiesa f’Londra jumejn wara u tal-quddiesa l-oħra l-għada f’Birmingham.
Il-ktejjeb, aċċessibbli fuq l-internet fuq is-sit www.thepapalvisit.co.uk jgħid li l-Papa se jkun qed jirreċita t-talba ewkaristika bil-Latin f’kull quddiesa. Il-moħħ wara ċ-ċerimonji liturġiċi preseduti mill-Papa, Mons Guido Marini, qal lill-ġurnal The Herald li “bl-użu tal-Latin il-Papa jrid jenfasizza l-universalita tal-fidi u s-sens ta’ kontinwita tal-Knisja”.
Intant, il-Kanċillier tal-Arċidjoċesi ta’ Glasgow, Mons Peter Smith, qal f’kummenti lill-istess ġurnal li “l-Vatikan għamilha ċara li kien hemm ix-xewqa li l-Papa jirreċita xi talb waqt il-quddiesa bil-Latin minħabba li se jkun hemm trasmissjonijiet diretti mill-Park Bellahouston li mistennija jkollhom udjenza ta’ biljun persuna globalment madwar id-dinja, u hekk tkun ikbar il-possibilta li wieħed jingħaqad u jieħu sehem fil-quddiesa. Dan meta wieħed iżomm f’moħħu li l-Latin hi l-lingwa uffiċjali tal-Knisja”.
VATICAN CITY (CNS)