Nhar il-Ħadd, 4 ta’ Marzu 2012, fil-5.30 p.m., l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jixgħel il-Fjakkola Benedittina għall-Paċi 2012 waqt Ċelebrazzjoni Ewkaristika li ser issir fil-KonKattidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jikkonċelebraw ukoll Monsinjur Pietro Vittorelli, Abbati tal-Monasteru ta’ Montecassino u Monsinjur Renato Boccardo, Arċisqof ta’ Spoleti – Norcia. Il-quddiesa se tkun animata mill-kor benedittin ta’ Montecassino
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Fjakkola Benedittina għall-Paċi saret l-ewwel darba fl-1964 meta l-Papa Pawlu VI kien iddikjara lil San Benedettu bħala Patrun tal-Ewropa. Minn dakinhar baqgħet issir kull sena f’pajjiż differenti. Fl-14 ta’ Marzu l-Fjakkola tittieħed il-Vatikan fejn tkun imbierka mill-Papa Benedittu XVI biex imbagħad fl-20 ta’ Marzu titqiegħed fuq il-qabar ta’ San Benedittu fil-Monasteru ta’ Montecassino.
Wara tmiem il-funzjoni, barra l-KonKattidral ikun hemm preżentazzjoni medjevali tal-korteo storiku Terra Sancti Benedecti.