Fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa l-Papa Benedittu XVI dil-ġimgħa qal li l-“ħajja kkonsagrata tfisser li wieħed jagħti ħajtu kompletament għal Alla u għall-oħrajn”. Il-Papa ssokta bil-katekeżi tiegħu dwar it-talb nisrani, ħares lejn l-Aħħar Ċena, fejn Ġesu waqqaf l-Ewkaristija u l-Ministeru Saċerdotali. Benedittu XVI qal li Ġesu talab l-interċessjoni tal-Missier fuq id-dixxipli tiegħu “għax bħalu, huma wkoll mhumiex ta’ din id-dinja. Il-Konsagrazzjoni timplika wkoll il-ħidma missjunarja. Il-bniedem ikkonsagrat jeżisti għall-oħrajn, jingħata lill-oħrajn. Għad-dixxipli, l-impenn hu li jkomplu l-istess missjoni ta’ Ġesu Kristu” mibgħut minn Alla l-Missier bħala Salvatur għal kulħadd.
Il-Papa talab sabiex l-insara kollha jimxu f’din id-direzzjoni u jitolbu għall-proxxmu kollu u d-dinja. Fl-istess direzzjoni li l-Papa ta f’għeluq il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda Nisranija, kull nisrani hu mħeġġeġ li jitlob għall-għaqda, l-istess għaqda li Ġesu talab fuq id-dixxipli tiegħu.