Ir-Rabbi ewlieni tar-Renju Unit, Sir Jonathan Sacks, qal li s-suq ħieles huwa l-mudell ekonomiku li jidher ferm fi qbil mat-tagħlim Bibbliku. Dan waqt li l-kriżi ekonomika dinjija turi li, mingħajr valuri morali, l-ekonomija tas-suq tista’ faċilment tfalli. Waqt żjara fil-Vatikan biex jiltaqa’ u jitkellem mal-Papa dwar l-isforzi konġunti bil-għan li l-moralita terġa ssib postha fis-swieq, u anki biex seta’ jindirizza taħdita fl-Universita Gregorjana Pontifiċja.
Meta tkellem mal-ġurnalisti wara ż-żewġ avvenimenti, r-Rabbi qal li hu u l-Papa ffukaw fuq il-prinċipji li jħaddnu komunement dwar il-ħtieġa ta’ swieq morali u approċ tal-ekonomija lit kun iċċentrata fuq in-nies – kif il-Papa nnifsu kien semma fid-dokument Caritas in Veritate, sentejn ilu, prinċipji mħaddna wkoll mill-komunita Lhudija.
“It-tħassib tiegħi huwa li f’nofs kriżi ekonomika globali, tinstema’ l-vuċi reliġjuża u morali b’saħħitha”.
Mistoqsi jekk iddiskutiex mal-Papa t-tensjonijiet bejn l-Israeljani u l-Palestinjani fl-Art Imqaddsa, ir-Rabbi wieġeb b’mod mill-iktar diplomatiku u qal li jemmen “li wieħed jista’ biss isolvi problemi impossibbli waħda waħda”.
Fit-taħdita li indirizza fl-Universita Gregorjana, ir-Rabbi fetaħ id-diskors tiegħu b’tixbiha reali pero b’ton ironiku biex ifiehem l-urġenza meħtieġa fl-attenzjoni għall-kwistjoni ekonomika. Qal li jekk r-Rabbi ewlieni jżur lil xi ħadd l-isptar fir-Renju Unit, il-pazjent żgur li jkun marid sew. U jekk ir-Rabbi ewlieni jindirizza taħdita dwar l-ekonomija fl-Ewropa, allura żgur li din tkun tinħtieġ qawmien malajr!