• Fuq talba ta’ Caritas Internationalis, Caritas Malta qed tagħmel sejħa ta’ ġbir ta’ fondi permezz ta’ fond ta’ emerġenza fejn se jinġabru flus biex tingħata għajnuna lill-vittmi ta’ Aleppo fis-Sirja, speċjalment fejn hemm l-iktar bżonnijiet ta’ saħħa, ilma u sanità, sistema ta’ edukazzjoni u xelters għal dawk il-persuni li tilfu dak kollu li kellhom. 
     
    Caritas Syria qed twiegħed li timplimenta programm ta’ sena li jinkludi salvataġġ ta’ ħajjiet ta’ persuni. Se taħdem ukoll biex terġa’ tibni l-ħajja ta’ dawk li tilfu kollox u dan b’mod sostenibbli. Caritas Syria tkompli wkoll f’ħidma sħiħa fejn tipprovdi l-ewwel bżonnijiet bażiċi tal-bniedem, ikel, fejn jgħix u x’jilbes, edukazzjoni, kif ukoll kull tip ta’ għajnuna oħra psikoloġika permezz tat-terapisti tagħha. 
     
    Il-mira ta’ dan il-proġett ikun biex dawk il-familji kollha affettwati, jerġa’ jkollhom l-opportunità jibnu l-komunità tagħhom u t-tfal jerġgħu jibdew jattendu għall-edukazzjoni fl-iskejjel li jinbnew. Dawn jingħataw dak kollu li jkollhom bżonn inkluż stationery u affarijiet oħra għall-iskola.  
     
    L-appell ta’ Caritas Internationalis lill-pajjiżi kollha affilljati (madwar 147 pajjiż) huwa li dawn il-miri jistgħu jintlaħqu permezz ta’ ġbir li qed isir u jintbagħat lil Caritas Syria.
     
    Il-Kontijiet li fetħet Caritas Malta huwa kif ġej: 
    HSBC  Account – 089-021513-051
    BOV Account – 40023270071
    APS Account – 10489011015

    Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħti s-sapport tiegħu permezz ta’ depożitu ta’ donazzjoni f’dawn il-kontijiet, jew jibgħat ċekk indirizzat: Fond ta’ Emerġenza Aleppo, Caritas Malta, 5, Triq l-Iljun, il-Furjana.