Fondazzjoni Sebħ qed torganizza l-ewwel bażar fil-bini tagħha fil-Ħamrun fit-28, 29 u 30 ta’ Ġunju 2024.
Il-pubbliku huwa mistieden jappoġġja lil din l-entità li tgħin fis-servizzi edukattivi, residenzjali u kura. Il-voluntiera b’mod ġeneruż ġabru diversi oġġetti, fosthom ħwejjeġ, għamara u aktar li se jkunu għall-bejgħ biex isostnu l-ħidma ta’ Fondazzjoni Sebħ.
Fondazzjoni Sebħ ikkoordinat dan l-avveniment biex tqajjem kuxjenza, tiġbor il-fondi u tħeġġeġ lill-komunità biex tikkontribwixxi bl-għan li trawwem sens ta’ sigurtà u valur fit-tfal u l-familji.
Għal aktar informazzjoni dwar kif tista’ tgħin lil Fondazzjoni Sebħ żur https://sebh.mt/donate/.
Fondazzjoni Sebħ hi għaqda mhux governattiva tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta li tmexxi erbat idjar residenzjali għal tfal u żgħażagħ u toffrilhom ambjent sigur ta’ trobbija u ta’ mħabba. Fondazzjoni Sebħ tmexxi wkoll ix-xelter tat-tieni stadju ‘Il-Milja’ li jilqa’ nisa u lil uliedhom li esperjenzaw xi tip ta’ vjolenza, fosthom vjolenza domestika, traffikar tal‑bnedmin, prostituzzjoni sfurzata kif ukoll abort sfurzat. Il-fondazzjoni toffri wkoll servizz ta’ ħidma soċjali ta’ prevenzjoni u sapport fil‑komunità fil‑Ħamrun u l‑Marsa, kif ukoll servizz ta’ aftercare.
Kull min jixtieq jgħin jista’ jikkuntattja lil Fondazzjoni Sebħ fuq [email protected] jew iċempel fuq 22470900.