Waqt konferenza li saret din il-ġimgħa, Fondazzjoni Sebħ nediet servizz ta’ aftercare li se jkun offrut lil dawk in-nisa u wliedhom li jkunu soffrew vjolenza domestika u għamlu żmien jgħixu fix-xelter ‘Il-Milja’ kif ukoll lil żgħażagħ li kienu joqogħdu fid-djar tat-tfal. Dan is-servizz, li tant kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu, hu meqjus bħala pont importanti biex jipprepara lil dawn il-persuni għal indipendenza totali.
Dan il-proġett se jikkonsisti fi tliet appartamenti b’massimu ta’ disat ikmamar tas-sodda kif ukoll ċentru terapewtiku ta’ aftercare u servizz ta’ mentoring. Iċ-ċentru, la jitlesta, se jippermetti lill-individwi li jgħixu fl-appartamenti u oħrajn li jgħixu fil-komunità jirċievu l-assistenza li jeħtieġu sabiex jiffunzjonaw b’mod sħiħ u indipendenti. Il-proġett sħiħ jirrikjedi xogħlijiet estensivi ta’ rinovazzjoni.
Id-direttur ta’ Fondazzjoni Sebħ Yvonne Mallia appellat biex individwi u kumpaniji jappoġġjaw dan il-proġett b’donazzjonijiet ta’ flus u materjal kif ukoll xogħlijiet ta’ dawl u ilma, tqegħid ta’ madum, u għamara fost oħrajn. Appellat lill-kumpaniji privati biex joffru assistenza wkoll permezz ta’ inizjattivi ta’ Corporate & Social Responsibility (CSR) biex dan il-proġett ikun jista’ jitlesta.
Il-proġett se jkun fdat f’idejn Kerry Hermitage, Senior Manager għas-servizzi tal-familji fi ħdan Fondazzjoni Sebħ u d-disinni arkitettoniċi tal-appartamenti f’idejn il-Perit Chris Briffa minn Chris Briffa Architects. Id-direttur irringrazzjat lil dawk kollha li qed jappoġġjaw lill-Fondazzjoni Sebħ biex iwettqu dawn il-proġetti.
Waqt l-istess konferenza stampa tnediet website ġdida tal-fondazzjoni, li se tipprovdi esperjenza aktar interattiva kif ukoll fiha numru ta’ paġni li jżommu lill-pubbliku ġenerali aġġornat dwar avvenimenti u informazzjoni dwar il-fondazzjoni. Il-website toffri wkoll l-opportunità biex in-nies jagħtu donazzjoni, jinkitbu bħala voluntiera, joffru CSRs, japplikaw għal opportunitajiet ta’ xogħol u aċċess għal attivitajiet passati u fil-futur. Kull min jixtieq jappoġġa lil Fondazzjoni Sebħ jista’ jibgħat fuq [email protected] jew iżur www.sebh.mt. Donazzjonijiet fi flus, servizzi u oġġetti jistgħu jsiru minn https://sebh.mt/donate/