Diġà smajtu waqt il-quddiesa, allura mhux se ndum. Nixtieq minn issa li biex nippreparaw għal dan il-vjaġġ li wħud minna se jeħodna Lisbona imma mbagħad iwassalna wkoll bħal dan iż-żmien sena biex nikkonkludu dan il-vjaġġ ta’ sena, nibdew naħsbu dwar is-sentenza li l-Papa għażel għal Lisbona 2023: ‘Marija qamet bil-ħeffa biex tkun ta’ servizz’, biex tkun ta’ qadi. Din ix-xi ħaġa niċċelebrawha wkoll minn hawn u ġimgħa oħra meta nibdew l-Avvent. Għaliex din il-ħaġa Marija tgħixha waqt li qed tistenna lil Ġesù, hi tqila b’Ġesù, twassal l-imħabba tagħha lil Eliżabetta, tkun ta’ servizz għall-qariba tagħha Eliżabetta. Imma Marija hija diġà mimlija b’Ġesù. Ġesù qed jgħix fil-ġuf tagħha, u twassal lil Ġesù allura wkoll biex jiltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Ġwanni l-Battista.
Li nkunu ta’ servizz għal xulxin, li meta tara l-bżonn tal-għajnuna, ma taħsibhiex darbtejn li jekk hemm xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna, tgħinu. Dik il-ħeffa li smajna wkoll fl-adorazzjoni, ibbażata fuq l-istess tema, kemm bl-Ingliż u kemm bil-Malti: il-ħeffa li jiena ngħin, u li ma niddejjaqx li nkun ta’ għajnuna. Jiena nawguralkom li tidħlu f’din l-esperjenza.
M’ilux kont miexi l-Imdina, u ltqajt ma’ wieħed minn ħutna l-immigranti, li kien bil-karkur, u għarafna. Qalli: ‘Fr, rajtek Ħal Far. Għandi bżonn nixtri żarbun’. Jien, dak li kelli tajtulu, ma qgħadtx noqgħod naħsibha, imma mbagħad xi jumejn wara, reġa’ kellimni u indunajt li kellu żarbun ġdid. Dawn l-affarijiet jimlew qalbek bil-ferħ: li inti tkun tista’ tkun ta’ għajnuna konkreta.
Min jaf kemm sitwazzjonijiet niltaqgħu magħhom, fl-ambjenti fejn inkunu, biex ngħinu lil xulxin, biex ngħinu lil ħutna. Din il-ħeffa timlielna qalbna bil-ferħ. Imma anke fid-djar tagħna, jiena kultant nistaqsi ftit liż-żgħażagħ: ‘inti s-sodda tifrixha?’ ‘M’hemmx għalfejn; nerġa’ nużaha filgħaxija.’ Imma mbagħad filgħaxija ssibha mifruxa minn xi ħadd li għamillek is-sodda. Forsi ta’ min nibdew li ċerti affarijiet nagħmluhom iżjed bil-ħeffa. Użajt platt fil-kċina d-dar: is-sink jeżisti għalik jew out of bounds? Il-vit tas-sink taf kif jaħdem? Dawn affarijiet ċkejknin; imma tgħiduli: ‘fejn sejjer. Aħna kollox nafu.’ Intom qegħdin tifhmuni.
Jiena nawguralkom li jkollkom serata divertenti. Qaluli li għandkom ħafna avventuri. Nawguralkom ilkoll. Għada l-Fun Run tal-President mhux se ssir għax mid-dehra ġejja maltempata. Imma jekk wieħed irid jieħu sehem, għad hemm iċ-ċans, u tkun qed tagħmel kontribut. Meta aħna jkun hemm bżonn li ngħinu, ngħinu. Peress li jien ma nistax immur fil-11 ta’ Diċembru, qed niddelega lilkom biex tmorru f’ismi; għax għandi impenn mal-parruċċani ta’ Ħal Għaxaq.
Nawguralkom ħafna divertiment, u dan il-vjaġġ li semmielna Ben bid-dati, nisperaw li teħduh bis-serjetà. Jien, jekk ma jimpurtax, nieħu wkoll il-katekeżi miegħi għax din se tgħinni żgur għall-Avvent. Nawguralkom ħafna u nberikkom. Awguri mill-qalb.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta