-
Forum għall-professjonisti u l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa
-
It-Tlieta 4 ta’ Frar 2014, fl-Isptar Mater Dei, sar forum għall-professjonisti u l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa bit-tema: “Il-Kura b’wiċċ uman: inħaddnu bl-imħabba l-valuri”. L-attività ġiet organizzata mill-Kummissjoni Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa. Din il-Kummissjoni tal-Knisja f’Malta tnediet fil-bidu ta’ din is-sena bl-iskop li tgħin fil-kura pastorali tal-professjonisti u l-ħaddiema f’dan il-qasam. Indirizza l-forum l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech.
Messaġġ tal-Isqof Mario Grech:
Tkun għadek ma xriftx fl-Isptar Mater Dei meta mnifsejk jaħbtu jingħalqu għax tibda xxomm xamma partikulari – ir-riħa ta’ konċentrazzjoni umana. Mixja mgħaġġla fis-swali tal-isptar iġġibna wiċċ imb’wiċċ mal-bniedem fl-awtentiċità tiegħu. Kull sodda hija pedestall li jerfa’ l-bniedem, li għalkemm huwa mneżża’ mill-ġmiel artifiċjali u għeri mhux biss minn ħwejġu imma wkoll minn saħħtu, jibqa’ liebes id-dinjità umana tiegħu. Anzi, il-mard mhux biss huwa kawża li twasslu biex jidħol l-isptar, imma jikxef ukoll il-verità, anki jekk iebsa, dwar il-bniedem: li l-bniedem iġorr natura umana dgħajfa li l-ħin kollu tgħajjat għall-imħabba. Għalhekk, l-isptar huwa post ipprivileġġjat, kemm għax joffri l-kura medika, imma fuq kollox għax joffri l-ospitalità lil dawk li jkunu qed iġarrbu t-tbatija tad-dgħufija tal-ħajja.
Mhux b’kumbinazzjoni li etimoloġikament il-kelma sptar hija relatata mal-kelma ospitalità, fis-sens li l-isptar huwa dak il-post li joffri wiċċ, vuċi u ġesti li għandhom il-ħila jagħtu kura partikularment meta l-marda hija deġenerattiva, kronika, irriversibbli jew terminali. L-isptar huwa dik l-istituzzjoni li toffri serħan il-moħħ liċ-ċittadin li jekk jimrad, ser isib min jilqgħu bħala persuna unika u rrepetibbli. Dak l-isptar li mhux ospitabbli, mhuwiex sptar! Naturalment l-ospitalità ma tiddependix mill-arkitettura jew mit-tiżjin, imma mill-operaturi sanitarji li huma r-ruħ umana tal-isptar.
Għaldaqstant, l-isfida ta’ kull istituzzjoni sanitarja mhix biss li teċċella f’dak li għandu x’jaqsam max-xjenza medika, imma wkoll li tkun istituzzjoni umana. Għalhekk wieħed ma jistax ma japprezzax l-impenn tagħkom biex tkomplu tiżguraw li l-kura jkollha wiċċ uman.
Imma qabel nagħmel ir-riflessjoni dwar dik li tissejjaħ l-umanizzazzjoni tal-assistenza medika, naqsam magħkom esperjenza. Jekk f’każ ta’ persuna li tikser riġlejha, l-espert ortopediku jagħmel intervent biex l-għadam jagħqad, dan ikun “fejjaq” lill-pazjent. Imma jekk l-istess pazjent ikun xi ftit psikoloġikament imħawwad għax ikun bniedem waħdu, l-ortopediku jkun fejjaqlu għadmu imma ma jkunx indirizza l-ġerħa moħbija. Imma kieku l-ortopediku kien umanament sensibbli biżżejjed tant li ntebaħ li dan il-pazjent mhux biss għandu l-gwaj tal-ksur imma wkoll l-uġigħ ikkawżat mis-solitudni, u għalhekk jgħidlu kelma ta’ kuraġġ forsi wkoll imsieħba minn azzjoni soċjali biex jindirizzah għand min jista’ jgħinu jtaffi s-solitudni, dan kien ikun il-każ ta’ professjonist uman li jkun offra servizz umanizzanti. Naturalment atteġġjament bħal dan min-naħa tal-ortopediku jitlob aktar attenzjoni u ħin, imma huwa servizz li jfejjaq lill-bniedem fil-ġewwieni tiegħu!
Fil-fatt il-kura medika tkun “umanizzanti” jekk il-qofol ta’ kollox tibqa’ l-persuna bid-dinjità u bl-identità speċifika tagħha, anki f’dawk is-sitwazzjonijiet ta’ qtigħ il-qalb u ta’ umiljazzjoni. L-umanizzazzjoni tikkonsisti f’dak l-atteġġjament mentali, affettiv u morali li jobbliga lill-operaturi sanitarji biex kontinwament iġeddu l-iskemi mentali tagħhom u l-mod kif jagħmlu l-interventi tagħhom b’tali mod li kollox ikun skont il-ħtiġijiet tal-marid li jibqa’ dejjem persuna f’diffikultà u vulnerabbli, anki għaliex mhux dejjem tkun kapaċi tesprimi b’mod korrett u dirett il-ħtiġijiet veri tagħha. L-operatur sanitarju jkun jissagrifika element essenzjali tal-professjoni tiegħu jekk jinsa li l-marid qabel kollox huwa persuna li qatt ma tista’ tiġi ridotta għal “każ kliniku”, u li għalhekk għandu jersaq lejn il-marid b’disponibbiltà li jrid jidħol f’relazzjoni interpersonali miegħu. Fi kliem ieħor, dawk li jaħdmu fil-qasam mediku għandhom ifittxu li permezz tal-ħidma jew il-professjoni tagħhom jiltaqgħu mal-bniedem marid, juruh empatija u jakkumpanjawh fit-tbatija. Fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, ir-rapport mal-pazjent ikun tassew uman jekk l-operaturi sanitarji jkunu attenti biex jifhmu lill-bniedem fl-interjorità tiegħu… u r-relazzjoni infermiera-marid twassal biex bejniethom tinħoloq komunjoni sinċiera u diżinteressata li tassew twassal biex ikun hemm parteċipazzjoni sħiħa.
Hekk biss l-isptar ma jibqax biss arena ta’ tbatija, imma jsir ukoll “ġinnasju” tat-tama, kemm għall-morda nfushom li jkunu ħerqana li jerġgħu jibdew jgħixu ħajja trankwilla, u kemm għall-istess operaturi sanitarji li jinvestu tant enerġija u kompetenza biex, sa fejn huwa possibbli, jegħlbu l-mard, u meta dan mhux possibbli, jirnexxielhom jakkumpanjaw lill-marid jgħix b’mod uman l-esperjenza tal-mard u tal-mewt. Hekk biss nistgħu nagħtu wiċċ uman lill-isptar: jekk jirnexxielna nirrikonoxxu, nirrispettaw u niddefendu d-dinjità tal-marid.
Imma jekk dak li deher dwar l-Isptar Mater Dei f’The Sunday Times tal-Ħadd dwar Johns Hopkins report huwa minnu, tassew għandna għalfejn nitħassbu quddiem ċerta prassi msemmija li tikkonferma kemm xi drabi s-servizz tas-saħħa jista’ jkun umanament degradanti u fl-istess waqt kemm huwa urġenti dan il-proċess li nippruvaw nirrendu l-qasam tas-saħħa pubblika aktar uman. Kif kont għidt fl-Ittra Pastorali li ktibt dwar il-morda, “spiss jiġri li d-drittijiet tad-dgħajfin isiru drittijiet dgħajfin għaliex… min hu dgħajjef u ma għandux mezzi, kuntatti jew kapaċità biex jikseb dak li bi dritt huwa tiegħu, ħafna drabi jsir jixbah lil dak il-marid li għal tmienja u tletin sena dam jistenna biex xi ħadd jgħinu jinżel fil-menqgħa ta’ Betesda, sakemm wasal Ġesù u wasslu għall-fejqan”.
Il-kura medika mhix biss xjenza imma hija arti terapewtika, u din l-arti titlob kompetenza umana li wieħed ma jiksibhiex b’mod naturali jew spontanju, imma jeħtieġlu jitrawwam fiha. Għalhekk il-proċess biex il-kura medika jkollha wiċċ uman jitlob li l-operaturi sanitarji jfittxu formazzjoni speċifika u permanenti li tgħinhom jikkultivaw fihom din is-sensibbiltà umana – l-edukazzjoni tas-sensi tgħin mhux ftit biex is-servizz sanitarju jkun tassew terapewtiku. Bħala konferma ta’ dan nagħti l-eżempju ta’ San Kamillu de Lellis li eduka s-sensi tiegħu biex kiseb dik il-passjoni lejn il-morda. Kien jgħid: “L-isptar huwa ġnien kollu fwieħa ħelwa… Ma hemmx għalqa li fiha tant fjuri jfuħu daqs l-irwejjaħ li jkun hemm fl-isptar li jagħtuni ħajja ġdida”. F’passaġġ ieħor huwa jgħid: “Togħġobni dik il-mużika li jagħmlu l-morda fl-isptar meta ħafna flimkien isejħuli u jgħiduli biex niffriskalhom fommhom, nagħmlilhom is-sodda jew insaħħnilhom riġlejhom”.
Huwa fatt li l-morda jkunu jridu jinħaslu mhux minn operatur sanitarju li jaf jaħsel sewwa, imma minn dak li, waqt li jkun jaħsilhom, jurihom li jifhimhom, jismagħhom, jitkellem magħhom, li jaf iweġibhom mhux tant bil-kliem imma bil-kompassjoni u bil-karezzi tiegħu! Fi kliem ieħor, normalment il-marid ifittex biex jgħinu lil dak l-operatur sanitarju li għandu l-ħila jħaddnu miegħu bħala unità – ġisem u spirtu!
L-operatur sanitarju għandu l-privileġġ speċjali li jpoġġi jdejh fuq il-ġisem tal-marid – ftit huma dawk li jkunu jafu l-ġisem tal-marid. Għall-infermier din hija azzjoni intimissma, għaliex il-kuntatt bl-idejn mhux biss huwa mod ieħor kif issir il-komunikazzjoni mhux verbali, imma joffri l-okkażjoni lill-operatur sanitarju biex jidħol f’dik ir-relazzjoni interpersonali mal-marid. Ħasra li xi drabi minħabba l-għaġla jew l-abitudni, “nipprofonaw” is-sagralità ta’ dawn il-mumenti minflok ma nieħdu l-okkażjoni biex f’waqtiet daqshekk mill-qrib u intimi, inkunu disponibbli li nisimgħu lill-marid ikellemna dwar l-ansjetà, il-beżgħat, ix-xewqat li jkun jixtieq jafdalna!
Huwa minnu li l-operatur sanitarju “jara” il-ġisem tal-marid… imma f’dak il-ġisem tgħix “persuna” li għandha l-istorja tagħha, li tista’ tkun nisġa ta’ aċċettazzjoni jew rifjut, ta’ serenità jew inkwiet, liema storja taf ħalliet marka fuq il-marid u allura tasal biex tifhem għaliex huwa ħiemed, aggressiv, imdejjaq… F’dak il-ġisem hemm persuna li għandha domandi fuq il-futur tagħha, aktar u aktar jekk tkun marda terminali! Il-professjoni tiegħek, operatur sanitarju, tqiegħdek ħdejn din il-persuna li tixtieqek tagħtiha widen biex tiftaħ qalbha! U ħafna drabi ma titolbokx b’kelma li toħroġ minn fommha, imma b’ħarsa kollha ħniena li inti trid tkun attent biex taqra f’għajnejha! U inti tista’ tiddjaloga ma’ dan il-marid b’għajnejk ukoll… ħarsa f’għajnejh tista’ tkun il-waqt tal-verità.
L-operatur sanitarju li jkun espert fl-umanità jikseb ħila li jinterpreta l-messaġġi moħbija li jibgħatlu l-marid. Kapaċi jaqralu qalbu u moħħu. Kapaċi jintuwixxi li ċerti ġesti jew kliem tal-marid, li fihom infushom jistgħu jkunu bla sens, huma espressjoni ta’ xi ħaġa profonda.
Dawn huma xi ftit mill-esperjenzi profondament umani li jiġru fis-swali tal-isptar. Hemm riskju li jekk l-operaturi sanitarji jkunu biss “tekniċi” u jipprestaw biss kura medika, dawn l-esperjenzi jintilfu u l-marid jikseb biss fejqan parzjali; imma, meta l-assistenza medika jkollha dan il-wiċċ uman, il-fejqan ikun aktar sħiħ u mifrux. Mhux darba u tnejn operaturi sanitarji li għandhom kuxjenza umana ffaċilitaw il-proċess biex pazjenti kisbu mhux biss fejqan fiżiku u interjuri, imma wkoll sabu l-qawwa biex fejqu relazzjonijiet ma’ oħrajn, peress li rapport uman jaf ikun opportunità biex il-marid jikber umanament. U meta x-xjenza ma jirnexxilhiex tegħleb il-mard, l-istess rapport uman offrut mill-operatur sanitarju jgħin biex il-marid jaffronta l-mewt b’dinjità.
Bħala Nisrani ma nistax nagħlaq din ir-riflessjoni dwar il-bniedem mingħajr ma nipproponi lil Ġesù Kristu mhux biss bħala dak li għandu l-Bxara t-tajba dwar il-bniedem, imma wkoll bħala dak li, fi kliem Santu Wistin, daħal fl-isptar tad-dinja u, biex ikun qrib tagħna l-bnedmin, fejjaqna mill-ġrieħi tagħna u sar bħalna f’kollox biex aħna nsiru nixbhu lilu. Dan Ġesù jgħallimna u jgħinna kif inħobbu lill-proxxmu tagħna. Waqt li nżomm quddiem għajnejja li dan l-isptar huwa msemmi għal Omm Alla – Mater Dei – nixtieq li nkun nista’ napplika għalih dak li Mauro Anselmo, ġurnalista ta’ Panorama, fl-2003 kiteb dwar sptar f’Ruma: “Dan l-isptar huwa katidral tal-mediċina li jħares ’il quddiem, imma għandu l-laboratorji tiegħu mdawla mill-ideali Kristjani li hemm fil-twieqi Gotiċi tal-ħġieġ”.+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex -
-
Ritratti: Photocity
www.photocitymalta.com