-
Fr Cyril Axelrod jingħata l-O.B.E. mill-Majesta’ tagħha r-Reġina Eliżabetta II
-
Fr Cyril Axelrod għadu kif ingħata l-O.B.E. (Order of the British Empire) mill-Majesta’ tagħħa r-Reġina Eliżabetta II f’ċerimonja speċjali li saret fil-kastell ta’ Windsor. Fr Cyril huwa l-ewwel persuna nieqes mis-smigħ u mid-dawl li qatt irċeviet dan l-unur li ngħatalu għall-hidma tiegħu biex jitwaqqfu ċentri li joffru servizzi ta’ taħriġ għall-persuni nieqsa mis-smiegħ u b’nuqqas ta’ dawl mis-Soċjeta’ għall-persuni nieqsa mid-dawl f’Hong Kong fejn għall dawn l-aħħar ħames snin kien Konsulent Onorarju. F’Malta, Fr Cyril qiegħed jaqsam l-esperjenza tiegħu għal ħidma ta’ taħrig bħala mistieden tad-Deaf Ministry Team fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Ir-Reġina tkellmet ma’ Fr Cyril u ħeġġitu jkompli l-ħidma mprezzabbli tiegħu madwar id-dinja ma’ persuni nieqsa mis-smigħ u mid-dawl u b’diżabiltajiet oħra. Hija rringrazzjatu wkoll għar-rigal li ta, li huwa kopja ffirmata tal-bijografija tiegħu “And the Journey Begins”.
Il-Kummissjoni Djoċesana għall-Persuni b’Diżabilita’ u l-familji tagħhom, id-Deaf Ministry Team fi ħdan l-istess Kummissjoni kif ukoll id-Dar tal-Providenza ingħaqdu ma’ komunitajiet u għaqdiet madwar id-dinja biex jifirħu lil Fr Cyril f’din l-okkazzjoni tassew speċjali.
Wara ċ-ċerimonja storika tal-għoti tal-O.B.E. saret ċelebrazzjoni ta’ Ringrazzjament fil-lukanda Sir Christopher Wren f’Windsor fil-kumpanija tal-membri tal-familja, ħbieb u mistiedna speċjali minn madwar id-dinja li riedu jaqsmu ma’ Fr Cyril dan il-mument sabiħ li ġie mfisser bħala turija vera tal-apprezzament dinji għall-ħidma u l-ħajja tiegħu.
Fr Cyril iddedika u ppreżenta l-midalja tal-O.B.E. lir-rappreżentant tas- Soċjeta’ għall-persuni nieqsa mid-dawl f’Hong Kong u ħabib kbir tiegħu Simon Chan li dan l-aħħar kien ukoll f’Malta ma’ Fr Cyril. Dan l-att ġeneruż huwa sintomu tas-servizz umli li Fr Cyril ikompli joffri lid-dinja fil-missjoni tiegħu li jippromwovi dak li huwa li jirreferi għalih bħala ‘r-rigal tad-diżabiltajiet’.