L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Min jaf kemm-il darba Fra John ikkontempla ċ-ċiklu straordinarju li għandna fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u li permezz tiegħu, Mattia Preti tana n-narrattiva tal-ħajja ta’ Ġwanni, l-Għammied, il-Prekursur. Waħda mix-xeni li Mattia Preti pinġa fil-volta ta’ dik li kienet il-knisja konventwali tal-Ordni Ġerosolmitan kienet proprju dan id-djalogu ta’ Ġwanni l-Battista li jibgħat żewġ dixxipli tiegħu biex jistaqsu lil Ġesù dwar l-identità tiegħu. “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3)
Fil-ħajja tiegħu, Fra John min jaf kemm-il darba staqsa din il-mistoqsija, mhux biss ta’ bniedem intelliġenti u ta’ sensittività straordinarja għal dak kollu li hu sabiħ, li hu veru, u li hu tajjeb, imma wkoll ta’ għalliem inkwiżittiv, li fil-karriera tiegħu, fid-djalogu maż-żgħażagħ, hawn Malta u l-Italja, min jaf kemm-il darba ġie konfrontat bid-domandi eżistenzjali, bid-domandi fundamentali tal-ħajja. Għaliex inti u tgħallem, titgħallem ħafna. Min jaf kemm-il darba staqsa lilu nnifsu: l-għażliet li għamilt f’ħajti huma zekkati? Il-Mulej, li jiena nemmen fih, huwa dak li ta’ min jagħti ħajtu għalih?
Meta tara l-għażliet ta’ ħajtu, wieħed jirrealizza li, meta ħaddan l-istedina tal-Ordni ta’ San Ġwann li jimpenja ruħu bil-voti reliġjużi, id-deċiżjoni Fra John kien ħadha b’mod tassew radikali. Fil-Mulej Ġesù sab ir-risposta li l-patrun tal-Ordni poġġa fil-fomm tad-dixxipli tiegħu. “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3)
Fil-ħajja tiegħu, huwa u jaqdi lill-foqra, jiddefendi l-fidi, imma wkoll jagħżel it-triq tas-sbuħija, kemm fil-ħarsien tal-patrimonju tal-Ordni, kif ukoll fl-apprezzament tal-patrimonju straordinarju li ħallewlna hawn Malta u fid-dinja, Fra John irrealizza li fil-Mulej Ġesù hemm ir-risposta għad-domanda: nistennew lilu. Bil-ħajja tiegħu, huwa ħabbar il-mewt ta’ Ġesù, feraħ u xandar il-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet, stennieh sa ma jiġi fil-glorja.
Forsi hu, li kien jaf xi tfisser tkun fl-ambjenti tal-palazzi tas-slaten, imdawwar bl-ilbies fin, kellu l-għerf biżżejjed, bid-daħka ġentili tiegħu, bil-ħarsa ironika tiegħu, imma bil-ġentilezza intelliġenti tiegħu, li jagħraf il-qalb tal-bniedem u japprezza x’inhu frugħa u x’inhu għerf mingħajr ma jumilja lil ħadd, mingħajr ma jkasbar lil ħadd; imma fil-ħarsa ta’ għajnejh kien hemm il-ħarsa tal-imħabba, li waqt li hija ġentili mhijiex belha, imma minsuġa mill-Kelma tal-Imgħallem. Lil Ġwanni l-Battista jammirah, għaliex mhux “qasba tixxejjer mar-riħ” (Lq 7:24), mhux bniedem li jfittex il-frugħa tad-dinja; imma ġie biex jixhed għall-verità, “ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl” (Ġw 1:8).
“Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Ir-risposta għal din id-domanda, Fra John jgħidha: nilqgħuha mingħand Ġesù. “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11:4-5). Din ir-risposta ta’ Ġesù tindika l-għażliet programmatiċi tal-ħajja tal-Imgħallem, għaliex jikkorrispondu għall-profezija ta’ Iżaija li l-Mulej jaqra f’Nazaret u jgħid: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (Lq 4:21). L-Ordni ta’ San Ġwann, li twieled biex jieħu ħsieb il-pellegrini u żviluppa wkoll f’servizz, mhux biss mediku, imma uman, f’tant sitwazzjonijiet ta’ diżaġju, ta’ mard, ta’ pandemija, ikompli din il-missjoni ta’ fejqan, li hija l-istess missjoni tal-Imgħallem.
Jien nixtieq insellem ukoll it-tifkira ta’ Fra John għax bil-ħidma u bl-imħabba tiegħu għallimna wkoll li s-sbuħija hija t-triq li twassalna biex niltaqgħu mal-Imgħallem u nagħrfuh, dik li l-Papa Franġisku jħobb isejjaħ: il-Via Pulchritudinis. Aħna nibku t-telfa ta’ Fra John f’età, li bil-kriterji ta’ żmienna, hija età tenera; imma napprezzaw, kull wieħed skont l-esperjenza tiegħu, il-mumenti li l-providenza tatna li niltaqgħu miegħu, insiru nafuh, napprezzawh. Illum nirringrazzjaw lil Alla tar-rigal li tana fih. Ninterċedu għalih bl-istess fidi li tagħtina l-Kelma ta’ Alla li l-iżgħar wieħed fost is-saltna ta’ Alla huwa tassew kbir għax jiltaqa’ ma’ Ġesù. Nafdaw lil Fra John, bid-dgħufija umana tiegħu, bil-limiti tiegħu, f’idejn il-providenza u l-ħniena ta’ Alla. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddu fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 35:1-6a,10
Salm: 146(147):7,8-9a,9bc-10
Qari II: Ġak 5:7-10
L-Evanġelju: Mt 11:2-11