L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Aktar minnek, min qatt jista’ jħobbna? Tagħna t-tama, wara Alla biss fik.” Dawn huma versi mill-Innu lil Marija Bambina – O Marija, O Ħelwa Bambina – li kiteb l-Isqof Emanuel Galea disgħin sena ilu. Jesprimu, fil-fatt, il-konvinzjoni kbira tiegħu li mexxietu fil-ħajja kollha tiegħu.

Aħna qed nagħtu ġieh li dan l-Isqof qaddis, ragħaj li tant għamel ġid, u li kull min ġie f’kuntatt miegħu baqa’ jgħożż il-memorja tiegħu. Hu predeċessur tiegħi – kien Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali – u nara li għandi ħafna x’nitgħallem minnu. Nixtieq li nsemmi tliet karatteristiċi tiegħu, minn diversi li wieħed jista’ jara f’ħajtu, u li huma ta’ siwi għalina lkoll.

L-għeruq ta’ ħajtu

L-ewwel nett, l-għeruq tiegħu. Dak kollu li hu għamel u għallem kellu l-għeruq fir-rabta tiegħu ma’ Alla u ma’ ommna Marija. Fil-fatt, dak li smajna fil-Kelma ta’ Alla u li tlabna fis-Salm “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni” (Salm 23:1) – kien dan li għex u li mexxieh tul ħajtu. Il-Mulej kien ir-ragħaj tiegħu. Kien jaf li Alla hu Alla li jħobb, u dejjem irid il-ġid, u hu dejjem fittex dak li ried Alla minnu u li sejjaħlu għalih. Kien konvint, kif smajna fl-Evanġelju, fil-parabbola ta’ dak is-sid li sejjaħ lill-ħaddiema f’ħinijiet differenti, li ma’ Alla ma tistax tippretendiha. Li jiġi minnu hu kollu don u grazzja.

Hemm kienu l-għeruq tal-ħidma tal-Isqof Galea: ir-rabta, permezz tat-talb, ma’ Alla u ma’ ommna Marija. Id-devozzjoni kbira li kellu lejn Marija narawha mhux biss fl-Innu sabiħ tal-Isla, imma fil-mod kif għex ħajtu. Kellu din l-omm li dejjem akkumpanjatu f’ħajtu.

Dan hu messaġġ importanti għalina: dak kollu li nagħmlu, dak kollu li nkunu u li naħdmu għalih, kollox għandu jkollu l-għeruq fit-talb – f’din l-imħabba ta’ Alla, l-imħabba lejh li hi risposta għall-imħabba tiegħu kontinwa; u l-imħabba lejn ommna Marija li dejjem twassalna għandu.

Bniedem għaref

L-Isqof Galea kien bniedem għaref. Aħna nafu kemm kien intelliġenti, kemm studja, f’Malta u wkoll barra minn Malta. Kien għamel l-istudji fil-Liġi Kanonika fl-Università Gregorjana, Ruma, u Malta kien jgħallem il-Liġi Kanonika fl-Università ta’ Malta, kien jgħallem il-Letteratura Latina fis-Seminarju; kien ukoll fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Kien bniedem ta’ intelliġenza kbira.

Imma mhux biss intelliġenza għax studja, imma wkoll għax għaraf jgħaqqad dan l-istudju mal-ħajja prattika ta’ kuljum. Għalhekk kellu għerf kbir. Kien imfittex minn tant nies, fosthom ħafna saċerdoti u reliġjużi, għall-pariri tiegħu.

Imma l-għerf kien jurih ukoll bil-mod kif kien iwassal il-Kelma ta’ Alla fil-predikazzjoni u fid-diskorsi u kitbiet. L-Isqof Galea kien bniedem ta’ ftit kliem, u b’mod ċar u konċiż iwassal il-messaġġ. Mhux b’ħafna xinxilli u kliem elaborat – dak huwa stil, imma ma kienx l-istil tiegħu. Kien iwassal il-kelma b’mod li tista’ tolqot il-persuna.

L-ewwel kuntatt tiegħi mal-kitba tal-Isqof Galea kien ktieb li kellna d-dar u li meta kont żgħir qrajt siltiet minnu – kellu l-isem Frak tad-Deheb. Kien fih diversi siltiet mit-tagħlim li wassal, u kienu tassew frak tad-deheb. F’dan kien jixbah lill-Papa, li tiegħu qed nagħmlu t-tifkira llum – San Piju X – li kien ukoll magħruf għall-mod ċar u jinftiehem kif iwassal it-tagħlim bħalma naraw fil-Katekiżmu li baqa’ magħruf – il-Katekiżmu tal-Papa Piju X.

Dan l-għerf l-Isqof Galea wrieh kemm fil-kelma li wassal kif ukoll fil-kitba tiegħu, u wrieh ukoll fil-ħidma tiegħu, speċjalment bħala Vigarju Ġenerali u Isqof Awżiljarju bl-għajnuna li ta lill-Arċisqof Mikiel Gonzi.

L-Isqof Galea jurina, lilna lkoll, kemm hu importanti li aħna nfittxu l-għerf veru li jmexxina tassew fil-ħajja tagħna, għerf mibni fuq il-Kelma ta’ Alla, għerf li jgħinna biex nimxu fit-triq tas-sewwa.

Ta’ qalb ħelwa u umli

Jolqotna wkoll ħafna l-Isqof Galea fl-umiltà tiegħu. Jafu dan b’mod partikulari s-Sorijiet ta’ Ġesù Nazzarenu taż-Żejtun, li magħhom għex ħajja sempliċi u umli. Il-kelma ta’ Ġesù “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29) tfakkarni ħafna fil-ħajja tiegħu. Kien dħuli, anke mat-tfal residenti fid-dar ta’ Ġesu Nazzarenu, u twajjeb ma’ kulħadd.

L-Isqof Galea kien f’ħafna pożizzjonijiet ta’ awtorità fil-Knisja. Imma hu għaraf li l-kobor qiegħed mhux fil-kburija, jew fir-rabta mal-poter, imma fl-umiltà. Hekk uriena Ġesù r-ragħaj it-tajjeb, u hekk għex dan ir-ragħaj ta’ qalb ħelwa u umli.

Baqa’ ragħaj li jagħti servizz sal-aħħar. Fil-fatt, tlett ijiem qabel miet, kien ħa sehem fil-Festa ta’ Santa Marija ta’ Ħad Dingli. Nhar is-Sibt li għadda kont Ħad Dingli għall-quddiesa ta’ lejlet il-Festa ta’ Santa Marija, u fakkart lill-komunità b’dan – kif kienet dil-festa l-aħħar ċelebrazzjoni tal-Isqof Galea qabel ma l-Mulej sejjaħlu għal għandu.

Gratitudni

Niftakar meta kont żgħir, in-nanniet ħaduni nara l-presepju mekkaniku sabiħ ta’ Ġesù Nazzarenu, iż-Żejtun, u aktar tard sirt naf li kienet idea tiegħu li jagħmel dan il-presepju li ġie inawgurat fl-1947. Ħadem fuqu flimkien man-neputi, u ried li jkunu magħġuna mal-presepju l-misteri tal-ferħ tar-Rużarju biex iwassal dejjem b’mod sħiħ din il-ġrajja tal-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla fostna, il-ġrajja tal-akbar imħabba.

Illum nixtieq, bi spirtu ta’ gratitudni, nirringrazzja lill-Mulej għal dan l-Isqof li tant għamel ġid lill-Knisja f’Malta u lis-soċjetà Maltija. Nixtieq nirringrazzjah ukoll tal-ġid partikulari li għamel lil din il-parroċċa tal-Isla, li kienet tant għal qalbu, u li dejjem tibqa’ tgħożż it-tifkira tiegħu.

Nagħlaq b’talba – silta mill-Innu lill-Marija Bambina li kiteb l-Isqof u li tesprimi tassew il-qalb kollha mħabba tiegħu:

“Fuqna xerred, O Bambina
L-isbaħ grazzji, nitolbuk,
Biex kif aħna bik niftaħru
Hekk tassew aħna nħobbuk.”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju