Il-Papa Franġisku jitkellem dwar il-Knisja, il-poplu t’Alla. Fil-katekeżi tiegħu fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, dil-ġimgħa spjega l-kunċett tal-poplu t’Alla permezz ta’ serje ta’ mistoqsijiet bħal ‘xi jfisser li tkun il-poplu t’Alla?’ ‘kif xi ħadd isir membru ta’ dan il-poplu?’ ‘x’inhi l-liġi, il-missjoni u l-għan ta’ dal-poplu?’
Fisser li li tkun il-poplu t’Alla jimplika l-ewwel it-tifsira li Alla ma jappartjeni għall-ebda poplu wieħed imma għal kulħadd. Hu jsejħilna, stedina li jagħmilha lil kulħadd bla ebda distinzjoni, għax il-ħniena t’Alla hi għal kulħadd.
Il-liġi tal-poplu t’Alla qal li hi l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, imħabba li mhix sentimentaliżmu jew vaga, imma rikonoxximent ta’ Alla bħala l-uniku salvatur.
Il-missjoni tal-poplu qal li hi li jwassal it-tama u s-salvazzjoni t’Alla lid-dinja, u li jkun sinjal tal-imħabba t’Alla.
Il-Papa temm jgħid li llum il-ġurnata hu biżżejjed li tiftaħ il-gazzetti biex tara l-ħażen tad-dinja iżda tenna li Alla hu iktar b’saħħtu. Qal li jekk il-poplu t’Alla jiġbed ħabel wieħed fid-dawl tal-messaġġ tal-vanġelu, allura ħajjitna ssir id-dawl ta’ Kristu.