L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-qari tal-profezija llum mill-profeta Eżekjel titkellem ukoll dwar l-għaqda fil-poplu li kien ilu ħafna mifrud: “Jiena għad insalvahom mid-dnubiet li firduhom minni. Jiena nsaffihom u huma jkunu għalija l-poplu tiegħi u jiena nkun għalihom Alla tagħhom” (Eżek 37:23).
Din hija l-ewwel rikonċiljazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ Alla. “Jiena għad insalvahom mid-dnubiet li firduhom minni”. Imma l-effett qawwi ta’ din ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla hija wkoll ir-rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna. “Nagħmilhom ġens wieħed fil-pajjiż […] ma jibqgħux iżjed żewġt iġnus, ma jibqgħux iżjed maqsuma f’żewġ saltniet” (Eżek 37:22).
L-għażla ta’ din il-profezija ta’ Eżekjel nifhmuha fid-dawl ta’ profezija oħra li jħabbar Kajfa li fis-sena li miet u rxoxta Ġesù, kien il-qassis il-kbir. “Intom ma tafu xejn. Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu” (Ġw 11:49-50). Il-kalkolu ta’ Kajfa jidher kalkolu politiku: nikkundannaw bniedem innoċenti li qed jagħmel ħafna sinjali imma hekk insalvaw it-tempju u l-ġens tagħna.
L-Evanġelista San Ġwann jieħu l-kliem ta’ Kajfa bħala profezija iżjed profonda u jgħid hekk fil-kumment tiegħu: “Kajfa dan ma qalux minn moħħu imma billi dik is-sena inzerta kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesu kellu jmut għall-ġens tiegħu u mhux għall-ġens tiegħu biss imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin” (Ġw 11:51-52). Hawnhekk isseħħ ukoll il-profezija ta’ Eżekjel. Il-mewt ta’ Ġesù tirrikonċiljana ma’ Alla imma tirrikonċiljana wkoll bejnietna.
Il-mistoqsija li lkoll nagħmlu llum, lejlet il-Ġimgħa Mqaddsa, għax illejla nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa b’Ħadd il-Palm, hija d-domanda li għamlu l-Lhud ta’ żmien Ġesù: “Intom x’taħsbu? Tgħid, jitla’ għall-festa?” (Ġw 11:56). Ir-risposta neħduha aħna u nilqgħuh dieħel Ġerusalemm propju f’Ħadd il-Palm. Imma huwa wkoll il-Ħadd tal-Passjoni tal-Mulej meta l-Knisja tħabbrilna l-passjoni tal-Mulej u b’hekk tibda l-ġimgħa l-iżjed importanti tas-sena għalina l-Insara.
Fit-talba tal-Knisja llum tlabna għal dawk li se jirċievu l-Magħmudija – din is-sena se jkollna nistennew ftit – imma wkoll għalina li rċevejna l-Magħmudija għaliex din il-Ġimgħa Mqaddsa tippreparana biex f’Sibt il-Għid inġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, nerġgħu niċħdu d-dlam u nilqgħu d-dawl li hu Kristu Ġesù.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 37, 21-28
Salm: 31, 10.11-12ab.13
Evanġelju: Ġw 11, 45-56