Is-Soċjetá Filarmonika Nazzjonali La Valette u s-Soċjetá Filarmonika King’s Own, waslu għal dan il-Ftehim li għandu l-approvazzjoni tal-Awtoritajiet tal-Knisja f’Malta dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt li toħroġ mill-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta.

  1. Ikun hemm alternanza għall-baned fis-sens li minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti fl-2012 iddoqq is-Soċjetá La Valette u fl-2013 u 2014 iddoqq is-Soċjeta’ King’s Own. Imbagħad fis-snin ta’ wara l-alternanza tkun kull sena, jekk jiġġedded il-Ftehim.
  2. Il-ħlas miftiehem li l-Prokuratur jagħti lis-Soċjetajiet kull sena sal-2014 huwa €500.
  3. Wara l-Festa tal-2014, issir evalwazzjoni u tittieħed deċiżjoni jekk il-Ftehim ikunx imġedded jew le.
  4. Jekk għal xi raġuni titħassar il-purċissjoni (eż. minħabba maltemp), fis-sena ta’ wara, l-alternanza tkompli qisha l-festa tkun saret.
  5. Waqt il-purċissjoni għandhom jindaqqu inni reliġjużi jew valzi u fl-ebda ħin m’għandhom jindaqqu marċi tal-briju jew li huma magħrufa bħala partiġġjani.
  6. Mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata qabel il-Festa tal-Għid il-Kbir, is-Soċjetá li tkun se ddoqq f’dik is-sena, għandha tibgħat lista ta’ dak li jkun se jindaqq mis-Soċjetá tagħha. Jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil fuq xi innu / valz / marċ partikolari, id-deċiżjoni finali hija tar-Prokuratur tal-Festa.
  7. Fil-ftuħ tal-purċissjoni, meta l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt tkun fil-bieb tal-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Presidenti taż-żewġ Soċjetajiet jersqu flimkien u jippreżentaw bukkett fjuri lil Kristu Rxoxt, bħala xhieda li din hija festa li qed tiġi ċċelebrata mill-Beltin kollha.
  8. Iż-żewġ Soċjetajiet flimkien għandhom b’ċirkolari waħda jinfurmaw lill-membri rispettivi tagħhom b’dan il-Ftehim u bl-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jridu li jirrenja.
  9. Iż-żewġ Soċjetajiet flimkien mal-Prokuratur tal-Festa għandhom qabel il-Festa tal-2012 isejħu konferenza stampa biex jagħtu pubbliċità lil dan il-Ftehim ta’ kooperazzjoni.
  10. Wara l-festa tal-2012, is-Soċjetajiet jibqgħu jfittxu li jiftehmu fuq ġesti oħra li jkunu ta’ xhieda ta’ unita’ u kooperazzjoni.
  11. Dan il-ftehim jorbot sas-sena 2014.

Iffirmat, illum 5 ta’ April, 2012 fl-Oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta.

Għas-Soċ. Fil. Naz. La Valette Għas-Soċ. Fil. King’s Own:

Charles Camilleri (President)                                                        Ivan Grixti (President)

Paul Spiteri (Segretarju)                                                                Anthony Zahra (Segretarju)

Xhud tal-firem:

Mons. Philip Calleja (Prokuratur tal-Festa)