-
-
Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn Dar Sawra u l-General Workers Union (GWU). Il-ftehim, li jkopri l-perjodu bejn l-2015 u l-2019, ġie ffirmat mis-Sur Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, f’isem id-dar tal-knisja, u Ms Rita Dimech, Segretarja tat-Taqsima Kimika u Energija tal-GWU.
Il-ftehim jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għal ħaddiema kollha, speċjalment il‑gradi ta’ taħt, fosthom żidiet bl-arretrati fis-salarji u fix-shift allowances, u bonus bħala rikonoxximent għal servizz twil lejn id-Dar.
Il-ftehim ġie ffirmat ukoll minn Monsinjur Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, u s-Sur Andre Vassallo Grant, Direttur għad-Djar tal-Knisja għall-Anzjani, min-naħa tad-Dar, u minn Ms Rita Attard u Ms Antoinette Guntrip, shop stewards min-naħa tal-GWU. Il-ftehim ġie approvat mill-Kumitat Finanzjarju Djoċesan, ippresedut mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.