• Nhar il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2015, Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-Ftuħ tal-Bieb tal-Ħniena fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. L-Arċisqof iċċelebra Quddiesa fil-Knisja Arċipretali, u wara sar pellegrinaġġ qasir lejn is-Santwarju fejn Monsinjur Arċisqof fetaħ il-Bieb tal-Ħniena. 

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Arċipretali tal-Mellieħa
    27 ta’ Diċembru 2015
     

    “Kemm hi għażiża id-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti. 

    Tixxennaq u tinfena ruħi għat-Tempju tal-Mulej. 

    Ħenjin dawk li jgħammru f’darek, huma jfaħħruk għal dejjem”

    (Salm 84 1-3.5)

    Il-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, ta’ Marija u ta’ Ġużeppi turina kemm tassew hija għażiża d-dar fejn jgħammar il-Mulej. It-talba tagħna llum tmur l-ewwelnett għall-familji kollha tagħna biex ikunu ambjent ta’ għożża li fih hemm post għall-Mulej Ġesù. Jalla kull familja tixxennaq għal din il-preżenza, jalla l-Mulej li qal “fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi, jien inkun f’nofshom” isib il-qalb tal-familja Maltija li tilqgħu, bil-membri tal-familji għeżież tagħna jinġabru mhux f’isem il-frugħa ta’ din id-dinja imma f’isem il-Mulej. 

    Hija providenzjali għalina li qegħdin ninawguraw hawnhekk dan it-tieni bieb tal-ħniena fid-djoċesi għażiża tagħna. Dan il-post immarkat fl-eqdem mapep tal-gżira tagħna bħala l-post fejn hawn il-Madonna tal-Mellieħa, fejn hawn is-Santwarju tal-omm ta’ Ġesù, preżenza Marjana li hija fost l-eqdem xhieda tal-fidi tagħna fuq din l-art, u hija wkoll sejħa speċjali għal din il-parroċċa arċipretali u għal Malta. Il-Madonna tal-Mellieħa hija omm tħaddan lil Binha, hija omm fil-maternità tagħha għax għandha Iben speċjali x’tippreżentalna. Dak it-tfajjel ħlejju impinġi fuq il-blata samma Maltija huwa tfajjel irżin. Il-bixra tal-affresk hija sempliċi imma l-messaġġ huwa qawwi.

    Fil-Vanġelu tal-lum (Lq 2, 41-52), Ġesù m’għadux iżjed tarbija imma pre-adoloxxent ta’ tnax il-sena. Kieku kien Malta llum konna nagħmlulu l-Griżma. Bħal kull tifel tal-età tal-Griżma, xi waħda tinkiteb għamel ukoll. Filfatt, verament għamel waħda tinkiteb għax inkitbet fil-Vanġelu ta’ San Luqa. Ġesù ddeċieda li jibqa’ Ġerusalemm. Wara tlett ijiem Ġużeppi u Marija skoprew li ma marx is-suq, lanqas mar ħdejn l-għolja taż-żebbuġ imma kien fit-tempju – dik li meta jikber isejħilha ‘dar it-talb’, “dari dar it-talb tissejjaħ mhux għar tal-ħallelin” (Mt 21, 13). Hu daħal fejn kien hemm l-għorrief jippruvaw jifhmu l-Iskrittura. Hu beda jistaqsi u beda jismagħhom imma anke hu beda jitkellem, tant hu hekk li mhux biss kien bilqiegħda f’nofs l-għalliema jismagħhom u jistaqsihom, imma kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Il-Mulej, tifel ta’ tnax il-sena, juri dehen imma wkoll kurżità għax jixtieq jifhem moħħ u qalb il-bniedem. Hu – il-kelma t’Alla magħmul bniedem – għandu dan l-għatx għad-dehem tal-umanità, jixtieq jidħol fi djalogu mal-għorrief, u kulħadd jibqa mistagħġeb mit-tweġibiet tiegħu.  

    Intant, Marija u Ġużeppi jitterrqu ma’ Ġerusalemm, tant li ommu tgħidlu “qalbna maqsuma”. “Ara missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma” (Lq 2, 48). Il-ħsieb tagħna llum imur f’tant familji immarkati bil-qalb maqsuma tal-ġenituri jew tal-ulied. Il-familji li minħabba xi dulur kbir, jew xi għawġ, xi telfa ta’ xi ħadd għażiż, it-trawma tal-mard, id-deżolazzjoni tas-solitudni, l-umiljazzjoni tal-qagħad, il-ħerba tad-droga jew il-pjaga tal-użura, huma f’hemm kbir. Il-ħsieb tagħna jmur fil-familji tagħna fejn hemm iżjed minn qalb maqsuma u li minħabba dan l-għawġ, il-fidi tagħhom ukoll qiegħda fi kriżi.

    “Konna qegħdin infittxuk” għaliex f’dawn il-mumenti il-preżenza tal-Mulej ma tidhirx faċli u ma tidhirx immedjata u allura rridu nemmnu li Ġesù huwa wkoll Ghimmanu-El, li aħna u nfittxuh hu qiegħed magħna. “Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (v.49). San Luqa, bla tlaqliq jgħidilna li “kliemu ma fehmuhx” Ġużeppi u Marija. Għaliex bħalma jiġri lilna wkoll, ir-rieda tal-Mulej għalina mhux dejjem nifhmuha, u nissaraw magħha u nitqabdu magħha, u forsi wkoll nitfixklu. Imma l-Mulej jibqa’ jtenni: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”, li għandi nagħmel ir-rieda ta’ Missieri? Wara kollox, it-tempju kien it-tempju ta’ Missieru, mhux ta’ Ġużeppi, imma tal-Missier li nisslu qabel kull żmien, li huwa d-dawl, li huwa l-ħajja, li huwa l-verità. 

    Il-Mulej għamel waħda tinkiteb, għamel ukoll ta’ rasu, imma l-kumplament tal-ħajja tiegħu ta’ adoloxxenti hija mmarkatha bl-ubbidjenza. “Niżel magħħom, reġa mar Nażaret u kien jobdihom” (v. 51). Mhux għax m’għamilx ta’ rasu xi darba jew tnejn oħra, ma nafux, mhux importanti għalina li nkunu nafu, imma importanti għalina li nkunu nafu li hu kien jirrispetta r-raba’ kmandament u lil ommu u lil missieru ta’ din id-dinja kien  jobdihom.

    Ommu kienet “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (v 51). Tkellmet, ara Ġużeppi ma qal xejn, ma qal xejn! Ġużeppi jisma’ u jagħmel. Ta’ ftit kliem, anzi tal-ebda kelma, għax m’għandna l-ebda kelma ta’ Ġużeppi, lanqas meta jirrabja. Ma nafux x’qal, nistgħu nimmaġinaw x’qal imma mhux recorded fil-Vanġelu. Imma ommu tkellmet “Ibni, dak għaliex għamiltilna hekk?” Imma mbagħad tibqa’ “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ”. Tkellmet, imma kienet ukoll siekta. Kemm tkun ħaġa sabiħa f’din is-Sena tal-Ħniena li aħna niżnu l-kliem tagħna u nappreżżaw is-silenzju tagħna, għax inti biex tisma lil ħaddieħor trid tiskot, imma biex tiddjaloga trid titkellem. Id-djalogu għandu l-mument tal-kliem u għandu l-mument tas-skiet, mhux tal-geddum, imma tas-skiet ħerqan li jisma’. Marija “kienet tgħozz f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha”.  

    Illum, aħna u niftħu l-bieb tal-ħniena fis-Santwarju nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa, nagħmlu talba biex il-bieb tal-ħniena jinfetah f’kull familja tagħna. Mhux qed ngħid: ‘issa niġi f’kull dar niftah bieb tal-ħniena, jew inkella l-arċipriet fit-tberik jiftah il-biben tal-ħniena. Li irrid infisser hu li l-esperjenza tal-ħniena ngħixuha l-ewwelnett fil-familji tagħna: maħfra u ħniena bejn il-miżżewġin, bejn il-mara u r-raġel, maħfra u ħniena bejn il-ġenituri u l-ulied, maħfra u ħniena mal-familjari estiżi. Tkun ħaġa sabiħa f’din is-Sena tal-Ħniena, fejn hemm aħwa ma jkellmux lil xulxin, fejn hemm ulied irrabjati għall-ġenituri, nippruvaw nagħmlu l-ewwel pass biex nersqu lejn xulxin bi spirtu ta’ maħfra u ta’ rieda tajba.

    Ejjew inwarrbu l-ġlied fuq il-wirt, ejjew ninsew l-inġustizzji mgħoddija, il-preferenzi nġusti li joħolqu tant weġgħat, ejjew ninsew il-weġgħat tal-kliem iebes, kemm bejn il-ġenituri u bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn l-aħwa u kuġini…ċertu wegġħat li jintirtu. Bħalma tintired għalqa jintirtu wkoll il-weġgħat. Xi ħadd irid jibda biex dan il-wirt jieqaf u jibda wirt ġdid ta’ paċi u ta’ maħfra.

    Ejjew nitolbu għall-koppji li qegħdin fi kriżi minħabba sitwazzjonijiet differenti, biex ikollhom l-umiltà jitolbu l-għajnuna. Kultant ma nistgħux naslu weħidna, għandna bżonn l-għajnuna bħalma meta inti tuġak darsa u billi tħares lejn il-mera m’hu se tagħmel xejn, tkun trid tmur għand id-dentist. U jekk għandek bżonn xi ħaġa oħra, trid tmur għand it-tabib. Jew inkella għandek kwistjoni, inutli toqgħod tirċievi l-karta u tagħmilha fuq il-mejda, trid tmur forsi għand avukat…il-Mulej jilliberak jgħidu. 

    Kollox hemm bżonn tiegħu, imma jalla dawn il-mumenti jkunu wkoll mumenti fejn aħna ma nagħmlu xejn b’pika imma bi spirtu ta’ vera rettitudni. Il-ħniena fil-familja tkattar il-ħniena fis-soċjetà u fid-dinja. Meta inti tinwkieta minħabba l-gwerer fid-dinja, staqsi lilek innifsek x’tista’ tagħmel. Ibda miċ-ċokon tad-dar fejn tgħix, mill-ambjent tax-xogħol fejn qiegħed, mir-relazzjoni mal-ġirien, mid-diskors li jsir fil-ħwienet jew fil-pjazza. Jalla aħna nkunu appostli tal-ħniena u bis-sehem ċkejken u umli tagħna nħallu dinja ferm isbaħ u aħjar.

    ✠ Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja