• Nhar is-Sibt 9 ta’ Jannar 2016, fis-6:00 p.m., l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena fl-Oratorju tal-Kurċifiss (fejn hemm meqjuma x-xbieha devota ta’ Ġesù Redentur) mal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla.

      Iċ-ċelebrazzjoni tibda fil-Bażilika b’purċissjoni lejn l-Oratorju tal-Kurċifiss. Hemmhekk, l-Arċisqof jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena u wara li l-ġemgħa tgħaddi mill-Bieb, tidħol lura fil-Bażilika u tkompli l-Quddiesa. Iċ-ċelebrazzjoni tagħlaq b’tislima lil Marija Bambina, bis-Salve Regina.

      Dan huwa t-tielet u l-aħħar Bieb tal-Ħniena li ser jinfetaħ fl-Arċidjocesi ta’ Malta, wara dak tal-Katidral tal-Imdina u tas-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.

      Li wieħed jgħaddi minn Bieb tal-Ħniena huwa sinjal ta’ rieda tajba li persuna tilqa’ f’ħajjitha

      l-maħfra u l-imħabba ta’ Alla matul dan il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena li nieda l-Papa Franġisku u li jintemm fl-20 ta’ Novembru 2016.

      Iċ-ċelebrazzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej ser tixxandar fuq Radju RTK u Radju Marija.