L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Lilu narah b’ħabib tiegħi, dak li jilmħu b’għajnejja ma jkunx barrani” (Ġob 19:27). Dan il-kliem joqgħod tajjeb fuq fomm Dun Victor, hu u jagħmel il-pass tremend tal-mewt, u jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem. Fuq min qed jitkellem Dun Victor meta jgħid: “Lilu narah b’ħabib tiegħi” (Ġob 19:27)? Qed jitkellem fuq Alla. Għax il-ktieb ta’ Ġob, li minnu qrajna l-ewwel qari, jagħtina din iċ-ċertezza, li hi l-qofol tal-fidi tagħna.
“Jiena naf lid-Difensur tiegħi ħaj u fl-aħħar fuq it-trab iqum, u wara li jintemm ġildi, għoddni bla laħam, nara ’l Alla. Lilu narah b’ħabib tiegħi” (Ġob 19:25-27). Kemm hi ħaġa sabiħa, li llum niġġeddu lkoll flimkien f’din il-fidi, li l-laqgħa tagħna ma’ Alla hi laqgħa ma’ ħabib. “Lilu narah b’ħabib tiegħi” (Ġob 19:27).
Imma fuq fomm Dun Victor joqogħdu wkoll il-kliem li jikkonkludi l-qari tal-lum mill-Ktieb ta’ Ġob: “Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani” (Ġob 19:27). Xi jrid jgħid l-awtur tal-Ktieb ta’ Ġob. Qed jgħid li qed jiltaqa’ ma’ Alla li hu ħabib tiegħu; imma li qed jiltaqa’ ma’ ħabib, li kien jafu tassew, li ma kienx barrani għal ħajtu. Dan il-kliem seħħ fil-ħajja twila u għażiża ta’ Dun Victor; u llum ta’ dan nixtiequ ngħidu grazzi lill-Mulej.
Għal Dun Victor, il-Mulej, il-ħabib u d-Difensur tiegħu, dak li qed jilmħu għajnejh bħalissa fil-misteru tal-eternità, mhuwiex barrani għalih; dara jgħix fil-preżenza tiegħu. Ħass is-sejħa tiegħu għal Alla li jkun saċerdot. Imwieled f’Bormla, imħaddan mid-devozzjoni lejn l-Immakulata, tgħallem ukoll iħobb lill-fqir u l-batut; u s-sejħa tiegħu kibret, fl-ispirtu tal-għotja tiegħek innifsek. Kienet għotja straordinarjament sabiħa. Fl-Ittra lil Lhud, li qrajna minnha wkoll illum, tispjega din l-għotja f’terminu ta’ sagrifiċċju. “Ħuti b’Ġesù mela, ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju ta’ tifħir, jiġifieri l-kelma ta’ xufftejna li tistqarr ismu” (Lh 13:15).
Għal ħafna minna, l-ewwel laqgħa ma’ Dun Victor, kienet permezz tax-xandir; l-ewwel laqgħa tagħna miegħu kienet fil-vuċi kalma u profonda tiegħu; hu u jfarraġ mijiet ta’ mijiet ta’ Maltin u Għawdxin, li ta’ kull ġimgħa bi ħġarhom kienu jistennew dak l-appuntament fuq ir-Rediffusion, biex jisimgħu l-kelma ta’ Dun Victor. Ma konniex għadna narawh wiċċ imb wiċċ fuq it-televiżjoni. Imma dik il-vuċi li tidħol fil-qalb tiegħek, u twassal il-faraġ u l-Kelma tal-Mulej, kienet vuċi li kellna għatx għaliha. Għax kienet il-vuċi ta’ ħabib, il-vuċi tal-imħabba.
“Tinsewx tagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom; għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla” (Lh 13:16). Is-saċerdot, bħalma kien Dun Victor, li hu msejjaħ biex joffri s-sagrifiċċju, irid l-ewwel nett jistqarr l-imħabba tiegħu bil-kliem, imma wkoll jagħmel il-ġid lill-oħrajn. “Aqsmu bejnietkom dak li għandkom”. Dun Victor, fis-saċerdozju tiegħu, tgħallem li jkun ragħaj u qaddej. Ta ħajtu bħalma jagħmel ir-Ragħaj it-Tajjeb. “Ir-Ragħaj it-Tajjeb jagħtu ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10:11). Peress li fil-ħajja twila tiegħu, għal ħafna snin, kellu responsabbiltajiet tat-tmexxija, illum il-Mulej jitolbu kont ta’ dawk in-nies, mijiet li l-Mulej afdalu. Il-Mulej laqqagħhom miegħu biex bil-ħarsa ta’ dan ir-raġel għaref u meqjus jiltaqgħu mal-ħarsa tal-Mulej. Illum il-preżenza tagħna, id-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Malta, li jagħti sinjal konkret ta’ gratitudni u rispett, huma xhieda li l-laqgħa ta’ ħafna minna ma’ Dun Victor kienet laqgħa ma’ xi ħadd li qalbu mħeġġa mal-laqgħa mal-Mulej u l-ħniena tiegħu.
“Alla tas-sliem, li bis-saħħa tad-demm tal-patt ta’ dejjem, qajjem lill-imwiet lil Sidna Ġesù Kristu, li hu r-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, iwettaqkom f’kull ħaġa tajba” (Lh 13:20-21). Dun Victor, saċerdot u qaddej, twettaq f’kull ħaġa tajba. Ġenerazzjonijiet ta’ studenti fis-Seminarju, u tas-seminaristi fil-formazzjoni tagħhom għas-saċerdozju, iltaqgħu mal-ħarsa tiegħu, mad-dixxiplina tiegħu, mal-imħabba tiegħu. Imma kienu xhud ukoll, bħalma kienu xhud ukoll il-kurituri tas-Seminarju ta’ dak iż-żmien, illum il-Kurja tal-Arċisqof, ta’ mijiet ta’ żgħażagħ, li b’mod speċjali wara l-eżerċizzji tar-Randan li kien jorganizza, f’ambjenti enormi, biex jidħol kulħadd; kienu mbagħad ifittxuh għall-pariri.
X’kienu jiġu jfittxu tant mijiet ta’ żgħażagħ, ta’ nies imtaqqlin bil-ħajja? Kienu jfittxu kelma ta’ faraġ, qalb li tisma’, għajnejn li jagħtu kalma u serenità; parir li jdawwal il-moħħ, u jagħti sabar fejn hemm bżonn is-sabar.
Dun Victor, ma kienx biss qassis u qaddej; imma fuq l-eżempju ta’ Ġesù, li hu qassis u qaddej, kien ukoll profeta. Kellu l-kuraġġ jindika l-pjagi tal-pajjiż, b’mod speċjali l-pjagi li jinbtu mill-vizzju u d-dipendenza; u mhux biss jimmarkahom, imma jfejjaqhom. Għax kultant faċli tgħid li għandna ferita; iżjed diffiċli xxammar il-kmiem u tagħmel xi ħaġa.
U waqt li llum insellmu lil dan ir-raġel, lil dan is-saċerdot, dan il-patrijott ta’ vera, Malti ta’ vera; illum insellmu wkoll lil kull min għenu fl-inizjattivi tiegħu, fil-ħolm tiegħu, biex ix-xewqat tiegħu, li jkun il-fejqan tal-ferita; mhux il-kawża tal-ferita, imma l-fejqan tal-ferita. Dik kienet il-ħolma ta’ Dun Victor, li dan il-fejqan iseħħ realtà.
Illum id-dover tagħna hu li nistaqsu lilna nfusna: Dun Victor, x’jixtieq jgħidilna, huwa u jħalli lil din l-art, u jibda l-ħajja ta’ dejjem? L-ewwel nett qed jgħidilna, li għandna post lest għalina. Imma li bħalu rridu nippreparaw għalih, billi nkunu nies ta’ qalb tajba għal xulxin, li naħfru lil xulxin; nagħdru lil xulxin, nifhmu lil xulxin; ma nħarsux lejn l-uċuħ, imma nħarsu lejn il-qalb ta’ xulxin, u naħdmu għall-għaqda ta’ pajjiżna. Dun Victor illum, jitlob fuqna l-barka li Dun Karm semma fl-Innu Malti; il-barka tad-dehen, tas-saħħa, tal-għaqda, tas-sliem.
Dun Victor kien profeta, meta f’kull persuna li ltaqa’ magħha, ra x-xbieha qaddisa tal-Imgħallem. “Kulma tagħmlu ma’ wieħed mill-iżgħar minn fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). U għalhekk Dun Victor, kellu l-kuraġġ li jgħallimna, li aħna fejn aħna, fit-triq ta’ ħajjitna, hemm dejjem kelma ta’ tama; hemm dejjem l-opportunità, li tintrefa’ mill-abbiss, u tibda ħajja ġdida. Tħallix il-kultura tal-iskart tkiddek. Ifhem u emmen fid-dinjità tiegħek, inħall mill-vizzju, u tħalli l-ebda sudizzjoni tal-kultura dominanti, tjassrek bil-vizzju, hu x’inhu, kemm jekk hu droga; kemm jekk hu regħba għall-flus; kemm jekk hi l-użura; kemm jekk hi l-prostituzzjoni, Dun Victor, lil ħutna mifnija bil-jasar tal-ħajja, tahom kelma ta’ kuraġġ, u bieb minn fejn jgħaddu għall-ħelsien.
Lil min jikkawża dan it-turufnament, f’isem Dun Victor ngħidilkom: il-flus li tagħmlu minn fuq id-droga, minn fuq il-prostituzzjoni, minn fuq l-użura, huma flus misħutin. Huma ktajjen li jgħassrukom. Ieqfu agħmlu flus mill-jasar taż-żgħażagħ u tal-vulnerabbli tagħna.
Dun Victor kellu kelma kalma, imma soda; bħal kirurgu li jaf fejn qiegħda l-ferita, u jaf x’inhi l-kirurġija neċessarja. Lil min qed jagħmel il-ħsara liż-żgħażagħ tagħna, ngħidlu: biddel ħajtek. Aħna għandna bżonn il-ġid u l-progress, imma mhux fuq il-katavri taż-żgħażagħ tagħna, mhux fuq il-futur ta’ pajjiżna.
Jekk qegħdin hawn illum, qegħdin hawn ilkoll kemm aħna, magħqudin flimkien, biex lil Dun Victor solennement inwiegħduh, li dak kollu li pprova jagħmel fostna, il-ħidma kollha tiegħu, inkompluha u nsaħħuha; u l-kelma tiegħu ngħożżuha u ngħixuha. Agħtih O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu. Jistrieħ fis-sliem. Ammen
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġob 19:23-27a
Salm: 23
Qari II: Lhud 13: 15-17,20-21
L-Evanġelju: Mt 25: 31-45